Barranin
Fil-Belġju, in-nies ma jistgħux imorru għal btala f’pajjiż ieħor f’attentat biex titwaqqaf l-imxija tal-varjant

Il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Boris Johnson, wissa li l-varjant il-ġdid tal-coronavirus jista’ jkun aktar qattiel. “In addition to spreading more quickly, it also now appears that there is some evidence that the new variant – the variant that was first identified in London and the southeast – may be associated with a higher degree of mortality.”

Madankollu, fl-istess konferenza tal-aħbarijiet, il-konsulent xjentifiku ewlieni tal-gvern tal-gvern Ingliż, Sir Patrick Vallance, qal li l-evidenza li tipprova dan għada mhix qawwija biżejjed.

“Now, that evidence is not yet strong. It’s a series of different bits of information that come together to support that.”

Fi żvilupp ieħor, tobba fir-Renju Unit qed jitolbu biex jonqos iż-żmien bejn l-għoti tal-ewwel u t-tieni doża tat-tilqima tal-Pfizer-BioNTech. Il-professur, Chris Whitty, qal li l-estensjoni fiż-żmien bejn l-ewwel u t-tieni doża, minn tliet ġimgħat għal tnax-il ġimgħa, kienet deċiżjoni ta’ saħħa pubblika bil-għan li aktar nies fir-Renju Unit jingħataw l-ewwel doża. Madankollu, skont l-Assoċjazzjoni Medika Ingliża hu diffiċli li dan jiġi ġustifikat u ż-żmien għandu jonqos għal sitt ġimgħat.

S’issa fir-Renju Unit tlaqqmu aktar minn ħames miljuni u tmien mitt elf persuna. Erba’ mija u tmienja u sittin elf minnhom ħadu t-tieni doża wkoll.

AstraZeneca wissiet li tista’ ma tlaħħaqx mal-produzzjoni mwegħda tat-tilqima għall-Covid-19 fl-Unjoni Ewropea. Din hija t-tieni kumpanija li qed taffaċċja problemi fil-produzzjoni, li jfisser li l-għadd ta’ dożi jista’ jkun inqas minn dak imsemmi qabel.

Il-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa qal li mhux sodisfatt b’din l-aħbar, anke għaliex numru ta’ pajjiżi Ewropej diġà qed ilaqqmu anqas nies milli kien previst minħabba t-tnaqqis fil-kunsinni tat-tilqima tal-Pfizer-BioNTech.

Il-Portugiżi għada huma msejħa biex jivvutaw fl-elezzjoni presidenzjali. Il-pajjiż jinsab f’lockdown u l-poplu ngħata eżenzjoni biex joħroġ jivvota. Ħafna qed jibżgħu li din l-elezzjoni se żżid l-għadd ta’ każi ta’ coronavirus,u skont stħarriġ li sar kważi żewġ terzi tal-elettorat huma tal-fehma li l-elezzjoni kellha tiġi posposta.

Ir-residenti tal-Belġju ma jistgħux imorru għal btala f’pajjiż ieħor f’attentat biex titwaqqaf l-imxija tal-varjant il-ġdid tal-coronavirus u tiġi evitata t-tielet mewġa tal-Covid-19. Il-Gvern iddeċieda li jwaqqaf l-ivjaġġar minn u lejn il-Belġju bejn is-27 ta’ dan ix-xahar u l-ewwel ta’ Marzu. Fil-Belġju, il-kafetteriji u r-ristoranti ilhom min-nofs Ottubru magħluqa, imma l-ħwienet kollha u l-iskejjel jistgħu jiftħu.

Fl-Olanda, mil-lejla ħadd ma jista’ jkun barra bejn id-disgħa ta’ filgħaxija u l-erbgħa u nofs ta’ filgħodu ħlief għal raġuni valida, u jrid jippreżentaw ittra mingħand min iħaddimhom. Dan se jsir f’miżura oħra ta’ kontroll tal-imxija. Se jkun hemm xi eċċezzjonijiet fost oħrajn għall-emerġenzi. Titjiriet bejn l-Olanda u żoni meqjusa ta’ riskju għoli twaqqfu wkoll għal tal-inqas xahar.