Ekonomija u Finanzi
Fil-Borża ta’ Malta jonqsu l-istocks tal-Gvern iżda jiżdiedu l-ishma u l-bonds ta’ kumpaniji privati

Matul is-sena li għaddiet, il-valur tat-titoli finanzjarji fil-Borża ta’ Malta laħqu iktar minn €12-il biljun u kienu mal-mitt miljun Ewro inqas mill-2017 għaliex naqas is-self tal-Gvern permezz tal-istocks. Il-Kap Uffiċjal tal-Borża ta’ Malta, Simon Zammit qal li t-transazzjonijiet fil-borża naqsu bi ftit iktar minn 30%, l-iżjed minħabba li l-istocks tal-Gvern qegħdin jonqsu għalkemm qed tiżdied l-attività fil-bonds u l-ishma tal-kumpanija.

Ħarsa lejn il-valur tat-titoli finanzjarji negozjati fil-Borża ta’ Malta s-sena li għaddiet turi li dawn ammontaw għal ftit iżjed minn €12.1 biljun. Dan kien ifisser tnaqqis żgħir ta’ 0.85% fuq is-sena ta’ qabel. Il-Kap Uffiċjal tal-Borża ta’ Malta, Simon Zammit, spjega r-raġuni għaliex is-sena l-oħra n-negozju totali naqas bi ftit iżjed minn 30%.

Simon Zammit qal “dan huwa l-istess sinjal li rajna fis-snin ta’ qabel fejn l-istocks tal-gvern qegħdin dejjem jonqsu fil-volum tan-negozju tagħhom. Il-punt prinċipali kien li hemm intervent tal-Bank Ċentrali inqas, dejjem jonqos matul is-sena. Ukoll il-Gvern, il-bżonnijiet kapitali tiegħu dejjem qed jonqsu, naqsu fuq l-aħħar 3 snin, allura l-issues tal-istokkijiet tal-Gvern dejjem qed jonqsu u qed naraw volumi inqas.”

Patta għal dan it-tnaqqis, iż-żieda fl-ishma u fil-bonds ta’ kumpaniji privati.

Simon qal “in-negozju fl-ishma tal-kumpaniji kwotati baqa’ bejn wieħed u ieħor l-istess meta mqabbel mas-snin ta’ qabel. Rajna però żieda fl-indiċi tal-prezzijiet ta’ dawn il-kumpaniji kwotati, żieda ta’ kważi 4%, u kienet sena interessanti ħafna fejn jidħlu prezzijiet tal-kumpaniji kwotati.”

Il-Kap Uffiċjal qal li s-suq ġdid għall-kumpaniji żgħar u medji, li tnieda ftit snin ilu, qed iwassal biex numru ta’ kumpaniji żgħar jersqu lejn il-Borża biex jiffinanzjaw proġetti tagħhom b’kapital ġdid. Qal li dan mistenni jkompli jikber anke din is-sena.

Simon qal “matul is-sena li għaddiet irduppjajna n-numru ta’ kumpaniji li resqu lejn dan is-suq. Spiċċajna s-sena bi 12-il kumpanija. Hemm proġettati li matul l-2019 għandna madwar 12-il kumpanija oħra li se jersqu lejn dan is-suq.”

Is-Sur Zammat qal li mal-elf persuna attendew korsijiet ipprovduti mill-Istitut tal-Borża ta’ Malta li twaqqaf biex irawwem l-edukazzjoni dwar is-servizzi finanzjarji fost bosta investituri żgħar.

Aħbarijiet Oħra
Ambjent

Il-Ministru tal-Ambjent, Jose Herrera, ħabbar ristrutturar fl-aġenzija Ambjent Malta. Dr Herrera qal li din se tersaq aktar lejn iċ-ċentru tal-politika tal-pajjiż, iżda ma kkonfermax li se tinbidel f’awtorità. Żied jgħid…

Kronaka

Ħaddiem weġġa’ serjament f’San Ġwann meta waqa’ fuqu numru ta’ ħadid. L-inċident seħħ għall-ħabta tas-14:30 ġo fabbrika li tinsab fiż-Żona Industrijali ta’ San Ġwann. Ir-raġel huwa Libjan ta’ 26 sena, residenti…

Immigrazzjoni

Grupp ta’ 56 immigrant iddaħħlu f’Malta llum waranofsinhar abbord patrol boat tal-Forzi Armati. L-immigranti, li ġew salvati mill-Mediterran, iddaħħlu f’Xatt it-Tiben u ngħataw f’idejn il-Pulizija mit-taqsima tal-immigrazzjoni. TVM infurmat li…

Ambjent

L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi ħarġet ordni ta’ waqfien lil fabbrika tat-tarmak f’Ħal Far li kienet qed iddaħħan. Fi stqarrija l-ERA qalet li l-uffiċjali tagħha kienu qed isegwu kull ilment li…

Aktar