Barranin
Fil-Brażil l-għadd ta’ nies li mietu bil-COVID-19 jaqbeż il-150,000

L-għadd ta’ nies li mietu bil-Covid-19 fil-Brażil qabeż il-150,000. Il-Brażil għandu t-tieni l-ogħla rata ta’ mwiet mill-coronavirus fid-dinja wara l-Istati Uniti u t-tielet l-ogħla rata ta’ infezzjonijiet wara l-Istati Uniti u l-Indja. Aktar kmieni din il-ġimgħa, il-Brażil qabeż il-ħames miljun infezzjoni bil-Covid-19.

Il-President tal-Brażil Jair Bolsonaro kien akkużat li prova jnaqqas ir-riskji tal-virus tul il-pandemija u injora l-pariri tal-esperti biex jimponi miżuri restrittivi. Il-Brażil għandu l-ogħla rata ta’ mwiet fl-Amerika t’Isfel u l-agħar milqut kien l-istat ta’ São Paulo. It-tieni l-agħar pajjiż milqut bil-coronavirus fl-Amerika t’Isfel huwa l-Kolombja fejn mietu 27,500 ruħ u ġew irreġistrati 894,300 infezzjoni.