Politika
‘Fil-budget il-Gvern m’għamel ebda miżura li tirrikonoxxi l-impenn tal-frontliners’

Meta dalgħodu kien qed iżur lill-konsulenti u l-infermiera barra d-dipartiment tal-emerġenza fl-isptar Mater Dei, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li din iż-żjara qed issir bħala parti mill-ħidma tat-tim t’azzjoni li waqqaf il-Partit Nazzjonalista biex jiltaqa’ man-nies involuti fil-qasam tal-pandemija.

Dr Grech qal li l-Oppożizzjoni trid tara x’inhuma l-isfidi kbar li qed jiltaqgħu magħhom il-ħaddiema fid-dipartiment tal-emerġenza fosthom biex ma tkunx imxekkla min-nuqqas ta’ infermiera u sostna li japprezza l-flessibbilità tagħhom biex ilaħħqu mad-domanda dejjem tikber tax-xogħol. Il-Kap Nazzjonalista qal li fil-budget il-Gvern m’għamel l-ebda miżura speċifika li tirrikonoxxi l-impenn ta’ dawn il-frontliners u qal li l-Partit Nazzjonalista se jagħmel pressjoni biex il-Gvern jifhem li l-ħidma tagħhom u jirrikonoxxiehom għall-ġid li qed jagħmlu lis-soċjetà.

Il-konsulent fid-dipartiment tal-emerġenza, Dr Michael Spiteri, qal li din hi sitwazzjoni u sfida nazzjonali u sostna li jeħtieġ l-għajnuna ta’ kulħadd, mill-politiċi san-nies fit-toroq fiċ-ċirkustanzi straordinarji tal-pandemija. Dr Spiteri qal li jekk kulħadd jimpenja ruħu biex jillimitaw l-imxija tal-Covid, l-infermiera u t-tobba jkunu jistgħu jiffukaw iżjed fuq nies li għandhom kundizzjonijiet serji.