Ekonomija u Finanzi
‘Fil-Budget il-Gvern se jkompli jgħin lill-familji u negozji u mhux se jkun hemm taxxi ġodda’

Il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna, qal li fil-Budget tas-sena d-dieħla il-Gvern ser ikompli jgħin lill-familji, pensjonanti u negozji minkejja li jinsab f’morsa finanzjarja kawża tal-pandemija. Fost il-miżuri li ser ikunu parti mill-budget għas-sena d-dieħla, il-Ministru Scicluna qal li mhux ser ikun hemm taxxi ġodda.

Waqt laqgħa ta’ konsulazzjoni pubblika dwar il-miżuri tal-budget għas-sena d-dieħla, il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna, qal li minkejja li din is-sena n-nefqa tal-Gvern żdiedet minħabba l-COVID-19, fil-budget li jmiss il-Gvern mhux ser ikun qiegħed iżid jew jintroduċi taxxi.

“Se mmorru għat-taxxi? Le, għax għandna spazju, issa ejja ngħid li jkollna defiċit ta’ biljun, ta’ 7% li huwa goff imma għall-bżonn qiegħed isir, imma l-pajjiż jiflaħ għalih.”

Dwar il-miżuri tal-COVID, il-Ministru qal li l-Gvern qiegħed jipprepara għad-deficit tas-sena d-dieħla minħabba li l-Gvern ser ikompli jgħin lill-familji u n-negozji sakemm tgħaddi l-pandemija tal-COVID-19. Qal li f’dan ir-rigward il-Gvern ser ikun qiegħed jirfina l-għajnuniet tal-COVID biex imorru għand min verament għandu bżonn, filwaqt li ser jkompli jħajjar lin-nies jonfqu.

Dwar l-ambjent, qal li l-kriżi tal-COVID-19 għandha tagħmel lil kulħadd konxju tal-bżonn tal-kwalità tal-ħajja u l-importanza ta’ ambjent san. Sostna li l-budget ser ikun qiegħed jagħti prijorità biex jitħares l-ambjent u l-arja tkun aktar nadifa, fosthom b’żieda fl-inċentivi għall-karozzi elettriċi.

Fuq il-pensjonijiet, il-Ministru Scicluna qal li se jerġgħu jiżdiedu l-pensjonijiet, speċjalment il-koppji li jridu jgħixu b’pensjoni waħda.

Il-Ministru qal li l-Gvern ser ikompli bil-mizura tal-first time buyers u li ser ikun qiegħed jinvesti fit-taħriġ tal-blockchain fost oħrajn permezz ta’ scholarships imħallsa mal-Gvern.

Fuq Għawdex, il-Ministru qal li l-bżonnijiet partikolari tiegħu ser ikunu indirizzati fil-budget fosthom, biex jattira iktar in-negozju u biex l-Għawdxin ikunu jistgħu jaħdmu f’Għawdex. Qal li l-Gvern ser ikun qiegħed jindirizza d-distanza fiżika bejn iż-żewġ gżejjer, biex l-ivvjaġar bejn iż-żewġ gżejjer isir b’katamarani jew b’tariffi mnaqqsa.