Barranin
Fil-Ġermanja: Is-Soċjal Demokratiċi u d-Demokratiċi Kristjani ras imb ras

Fil-Ġermanja, l-ewwel exit polls wara l-elezzjonijiet biex jinħatar Kanċillier ġdid juru li s-Soċjal Demokratiċi u d-Demokratiċi Kristjani jinsabu ras imb ras b’26% tal-voti kull wieħed.

Iżjed minn 60 miljun Ġermaniż kienu eliġibbli biex jivvutaw u jagħżlu bejn tliet kandidati għall-kariga ta’ Kanċillier. Dawn huma Armin Laschet tal-Partit tad-Demokratiċi Kristjani, Olaf Scholz tal-Partit Soċjal Demokratiku u Annalena Baerbock mill-Partit tal-Ħodor.

S’issa, kollox jindika li l-kariga hi missielta bejn Olaf Scholz u Armin Laschet, iżda min jitla’ minnhom irid jifforma gvern ta’ koalizzjoni. Proċess li mistenni jieħu ftit taż-żmien mhux ħażin minħabba li l-partiti jridu jaqblu fuq karigi ewlenin.

Din l-elezzjoni fil-Ġermanja ġġib fi tmiemu kapitlu ta’ 16-il sena fl-istorja tal-Ġermanja bit-tmexxija f’idejn il-Kanċillier Angela Merkel.

Għal diversi xhur l-istħarriġ tal-opinjoni pubblika kienu qed ivarjaw. Għall-ewwel kien fuq quddiem Armin Laschet. Għal xi żmien, il-Ħodor kienu fuq quddiem, iżda lejn l-aħħar ġimgħat kien hemm żieda għas-Soċjal Demokratiċi.

Fl-ewwel kummenti ftit ħin wara li għalqu l-postijiet tal-votazzjoni, Olaf Scholz qal li jinsab kuntent ħafna bl-ewwel riżultati li ħerġin. Min-naħa l-oħra, Armin Laschet qal li l-partit tiegħu se jagħmel minn kollox biex jifforma gvern.