Barranin
Fil-Ġermanja – nies u xadini użati f’esperiment biex jiġu ttestjati l-emmissjonijiet tal-karozzi

Il-gvern Ġermaniż ikkundanna l-esperimenti ffinanzjati mill-kumpaniji tal-karozzi fejn intużaw in-nies u x-xadini biex man-nifs jibilgħu d-dħaħen tal-exhaust.

Il-midja Ġermaniża qalet li r-riċerka dwar l-impatt fuq is-saħħa tal-bniedem minn European Research Group on Environment and Health in the Transport Sector (EUGT) ġiet iffinanzjata minn Volkswagen, Daimler u BMW.

Il-gvern Ġermaniż li talab aktar informazzjoni dwar il-każ qal li tali testijiet qatt ma jistgħu jiġu ġustifikati.

In-New York Times kienet irrappurtat li l-EUGT, li ġiet ikkummissjonata biex tirribatti bil-fatti deċiżjoni tal-WHO dwar il-fatt li d-dħaħen tad-diesel jikkawżaw il-kanċer.

Ir-rapport kixef li l-EUGT esponiet 10 xadini għad-dħaħen f’kamra magħluqa f’laboratorju f’Albuquerque, New Mexico.

Aktar fatti komplew jiġu żvelati meta Stuttgarter Zeitung u SWR radio rrappurtaw li 19-il raġel u 6 nisa ġew esposti wkoll għad-dħaħen tad-diesel f’esperiment separat tal-EUGT.

Rapport ieħor li ġie ppubblikat fl-2016 żvela wkoll li f’laboratorju f’Aachen, il-Ġermanja, xi nies ġew esposti għal konċentrazzjonijiet varji ta’ dħaħen tad-diesel li fihom il-gass tossiku tal-ossidu tan-nitroġenu.

Il-VW li diġà kienet involuta fl-iskandlu tal-2015 tas-software, li kien jgħatti dejta qarrieqa dwar id-dħaħen li tiġġenera l-magna, reġġħet sabet ruħha fil-qalba ta’ skandlu ieħor. Il-VW iżda ħarġet stqarrija fejn ikkundannat l-esperimenti.

Il-EUGT ġiet xolta s-sena l-oħra.