Barranin
Fil-Greċja nirien kbar jaħkmu foresta – evakwati diversi villaġġi

Fil-Greċja, nirien kbar ħakmu foresta fil-Punent tal-pajjiż. In-nirien tant kienu qawwijin li anke laħqu x-xatt fil-belt ta’ Peloponnese.

L-awtoritajiet ordnaw l-evakwazzjoni ta’ diversi villaġġi fosthom dawk madwar ix-xatt, bin-nirien jinfirxu fi triq prinċipali li tgħaqqad il-kapitali Ateni mat-tielet l-iktar belt fil-pajjiż.

Jissieltu man-nirien kien hemm 145 pumpier megħjuna minn tmien ħelikopters, tmien ajruplani u anki dgħajsa li bdiet titfi n-nirien minn fuq il-baħar.

Hu stmat li 5 persuni ttieħdu l-isptar għall-kura minħabba li żviluppaw problemi bin-nifs x’aktarx kawża tad-duħħan li belgħu.

L-awtoritajiet wissew lin-nies dwar riskju għoli ta’ nirien fil-ġimgħa li ġejja minħabba dik li sejħu mewġa ta’ sħana “perikoluża” li mistenni tolqt il-pajjiż fil-ġimgħa li ġejja.

It-temperaturi mistenni jilħqu 45 grad Celsius.