Kronaka
Fil-Gżira: Mara fil-periklu tal-mewt wara li ntlaqtet u tkaxkret minn vettura li baqgħet għaddejja

Mara ta’ 47 sena mill-Gżira tinsab fil-periklu tal-mewt wara li ndarbet f’inċident tat-traffiku.

Fis-13:15, il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha fi Triq Rue D’Argens, il-Gżira.

Il-Pulizija tad-Distrett marru fuq il-post u minn investigazzjonijiet preliminari li saru nstab li l-mara ġiet milquta u mkaxkra minn vettura li baqgħet sejra.

Fuq il-post issejjaħ tim mediku li ta l-ewwel għajnuna u ambulanza li ħadet lill-vittma l-isptar fejn ġiet iċċertifikata li sofriet ġrieħi serji.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Audrey Demicoli li fetħet inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.