Qorti
AĠĠORNAT: Fil-ħin tal-bomba li qatlet lil DCG sar kuntatt bejn GPS u Nokia 105

Kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-każ kontra Alfred u George Degiorgio u Vince Muscat, li huma akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Ix-xhud ewlieni kien l-espert tal-Qorti fit-teknoloġija tal-informatika, Martin Bajada li kien inkarigat sabiex janalizza t-telefonati u l-messaġġi li ntbagħtu.

L-avukati difensuri William Cuschieri, Martin Fenech u Josette Sultana staqsew jekk kienx hemm xi digriet speċifiku b’Dr Bajada jgħid li ma jafx kienx hemm iżda kien ordnat mill-Maġistrat sabiex janalizza l-inforamzzjoni. Qal li għamel hu, m’għandux x’jaqsam max-xogħol li kienu qed jagħmlu l-FBI u li hu personalment iltaqa’ mal-FBI darbtejn biss, darba fil-preżenza tal-Maġistrat u darb’ oħra meta ntroduċihom mal-Vodafone.

Dr Bajada qal li kien hemm eluf ta’ telefonati li saru fis-16 ta’ Ottubru 2017, iżda mill-analiżi li għamel ħareġ li fil-ħin tal-isplużjoni, kien hemm żewġ numri fosthom ta’ ‘device’ li minn riċerka li għamel irriżulta li din id-‘device’ tirċievi messaġġi b’kodiċi partikolari. Żied li sab ukoll li kien mobile Nokia 105 li bagħat il-messaġġ lil dik id-‘device’ u speċifika li d-‘device’ kienet tat-tip GPS.

L-espert qal ukoll li fl-analiżi ħares lejn is-‘sim cards’ li ntużaw minn dawn iż-żewġ numri fil-każ tat-tnejn li huma nstab li dawn intużaw dabtejn oħra qabel is-16 ta’ Ottubru 2017, darba’ f’Jannar u darba oħra f’Awwissu. Żied li wara Ottubru, dawn qatt ma reġgħu ntużaw. Mistoqsi mill-avukati difensuri jekk jistax jgħid b’ċertezza morali li l-messaġġ splodiex il-bomba, Dr Bajada wieġeb li l-inkarigu tiegħu kien li janalizza l-fatti, mhux investigatur.

Fis-seduta l-avukati difensuri talbu biex ikunu jafu jekk sarx theddid lis-Sinjura Caruana Galiżia fuq il-mobile tagħha għaliex sostnew li fl-istadju tal-kumpilazzjoni, hemm dokument li jissemma fl-atti tal-inkjesta iżda mhux fl-atti. Dr Bajada qal li qabel tressqu l-Qorti t-tlett akkużati, saret kopja tal-mobile ta’ Caruana Galizia li ittieħdet mill-Europol. Qal li l-kopja ma kinetx analizzata kollha u meta ġiet irritornata, daħlet fit-tieni inkjesta iżda minkejja li issa għandu l-informazzjoni kollha, ma jistax jiżvela informazzjoni għax għadha għaddejja inkjesta maġisterjali. Qal li l-aħħar telefonati u messaġġi li saru għall-mobile tas-Sinjura Caruana Galizia ma kinux marbutin mal-ħin tal-isplużjoni.

L-avukati difensuri staqsew jekk is-sorsi tal-espert kienux ta’ natura ġurnalistika bil-Maġistrat Claire Stafrace Zammit twissihom biex ma jagħmlux mistoqsijiet li jistgħu jiksru ordni tal-Qorti. L-avukat Therese Comodini Cachia għall-parti ċivili rreferiet għad-digriet mgħoti mill-Maġistrat Anthony Vella sabiex ikunu protetti s-sorsi ta’ Daphne Caruana Galizia wara rikors li ressaq l-istitut tal-ġurnalisti Maltin fl-2017 u fakkret li l-protezzjoni mhix tas-sors biss iżda tal-informazzjoni li jgħaddi dak is-sors.