Lokali
Fil-jum dinji tal-oċeani titnieda l-kampanja ‘Saving Our Blue’

Fil-jum dinji tal-oċeani għat-tielet sena nfila l-Ministeru għall-Ambjent nieda l-kampanja ‘Saving Our Blue’ li tiffoka kontra t-tniġġiż tal-baħar u l-ambjent, b’mod partikolari l-ħsara li jagħmel il-plastik li jintuża darba biss u l-importanza li nħarsu ż-żoni protetti marittimi.

Matul l-14-il ġimgħa li ġejjin fuq diversi bajjiet wieħed jista’ jiltaqa’ man-nies involuti fil-kampanja ‘Saving Our Blue’. Il-kampanja għandha l-għan li tqajjem għarfien dwar il-ħsara kbira li jikkawża l-plastik u tħeġġeġ lin-nies biex tieqaf tuża prodotti tal-plastik speċjalment dak li jintuża darba biss.

Fit-tnedija tal-kampanja fil-bajja tal-Għadira, żewġ ambaxxaturi involuti f’din il-kampanja wasslu l-messaġġ dwar il-ħsara fuq l-ambjent marittimu kollu ikkawżat direttament mill-impatt tal-bniedem għax juża l-plastik.

L-Ambaxxatur tal-kampanja ‘Saving Our Blue’, Owen Bonnici qal: “Enfasi speċjali biex nikkreaw aktar tagħrif dwar il-macro-plastic u l-micro-plastic li huma partiċelli żgħar ħafna tal-plastic, hemm minnhom li bilkemm tarahom f’wiċċ idejk li qed jikkreaw ħafna ħsara meta tiftakar li ċertu ħut qed jikolhom u mbagħad nispiċċaw nikluhom aħna wkoll.”

Il-kampanja se tkun tinkludi wkoll diversi attivitajiet ta’ tindif u se tagħmel lill-pubbliku aktar konxju tal-impatt mill-għażliet li jagħmel ta’ kuljum, kif spjegat l-ambaxxatriċi tal-kampanja Taryn Mamo Cefai.

“L-azzjonijiet tagħna, l-affarijiet li narawhom żgħar forsi ma tantx jagħmlu differenza fil-verità jaf jgħinu ħafna lill-ambjent. Nixtieq li nuru lin-nies hemm barra li din hija xi ħaġa li kulħadd irid jaħdem fiha ma nistgħux inkunu waħedna erbgħa min-nies irridu nkunu poplu li naħdmu flimkien biex intejbu d-dinja ta’ madwarna.”

Il-Ministru għall-Ambjent, Aaron Farrugia, fakkar fil-liġi li minn din is-sena pprojbiet l-importazzjoni tal-plastik li jintuża darba u li minn Jannar li ġej se tipprojbixxi wkoll il-bejgħ u d-distribuzzjoni ta’ dan il-plastik. Fakkar li l-għan wara din il-liġi hu li tnaqqas id-dipendenza fuq il-plastik u tinkoraġġixxi l-iżvilupp u l-użu ta’ prodotti aktar sostenibbli. Waqt din il-kampanja se jkunu qed jitqassmu prodotti alternattivi għal dawk tal-plastik bħal flixken għall-ilma u basktijiet tad-drapp.