Lokali
Fil-Jum Dinji tal-Persuni b’Diżabilità jisħqu kontra l-preġudizzju

It-3 ta’ Diċembru huwa l-Jum Dinji tal-Persuni b’Diżabbiltà. F’dan il-jum il-Prim Ministru Robert Abela, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech u ċ-Chairperson tal-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà, Oliver Scicluna saħqu kontra l-preġudizzju lejn persuni b’diżabilità.

Oliver Scicluna tkellem dwar aktar għarfien lejn diżabilità li ma tidhirx. Qal li sfortunatament il-bniedem jgħix bi sterjotipi li jwassluh biex jibni l-preġudizzji. Qal li soċjetà b’saħħitha tinbena fuq rispett lejn xulxin. Saħaq li l-bniedem ħaqqu rispett mhux il-bastun l-abjad jew il-wheelchair.

Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni, Bernard Grech qal li minkejja li hemm min jirnexxilu jegħleb id-diżabilità u jimxi ‘l quddiem hemm min għandu bżonn l-għajnuna. Qal li għandna dmir li nagħmlu l-parti tagħna biex kulħadd jimxi ‘l quddiem.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li dan il-jum jagħtina opportunità biex nirriflettu fuq id-drittijiet ta’ faxxa ta’ nies fis-soċjetà tagħna li faċli ħafna li leħinhom ma jasalx fid-dibattitu nazzjonali. Qal li din hija faxxa ta’ nies varjata ħafna, minbarra li kull persuna b’diżabbiltà għandha l-istorja ta’ ħajjitha, hemm numru wisq kbir ta’ kundizzjonijiet jew mard li jfixklulhom ħajjithom. Saħansitra hemm min ma jidhrix li għandu kundizzjoni u jispiċċa vittma tal-preġudizzju minn dawk ta’ madwaru. Saħaq li l-aħħar ħaġa li għandhom bżonn huwa li sħabhom il-Maltin u l-Għawdxin ikomplu jżommuhom lura.