Barranin
Fil-Kongo – Maqtula ambaxxatur Taljan u 2 persuni oħra waqt ħidma umanitarja

Fil-Kongo, jinqatel ambaxxatur Taljan u żewġ persuni oħra, fosthom Pulizija waqt li kienu għaddejjin b’ħidma umanitarja.

Jinqatel l-ambaxxatur għall-Italja fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u membru tal-carabinieri. Il-Ministeru għall-affarijiet barranin Taljan qal li Luca Attanasio ta’ 43 sena u uffiċjal tal-pulizija ta’ 30 sena mietu fi sptar wara attakk li sar fuq konvoj tan-Nazzjonijiet Magħquda f’Goma. Huma kienu qed jivvjaġġaw fil-konvoj li kien jagħmel parti mill-Programm dinji tal-ikel. Rapporti qalu li l-attakk kien parti minn attentat biex jaħtfu lill-ambaxxatur, li minflok intlaqat b’tir f’żaqqu.

Fi stqarrija, il-Gvern Malti esprima solidarjetà mal-Italja u kkundanna bl-akbar qawwa l-qtil brutali tal-Ambaxxatur Taljan u ta’ żewġ persuni oħra; filwaqt li wriet simpatija u appoġġ lill-poplu Taljan u lill-familji tal-vittmi li tilfu ħajjithom fis-servizz għaż-żamma tal-paċi u l-ħidma umanitarja. Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej appella għall-ħidma kontra l-vjolenza fir-reġjun.