Annimali
Fil-Kroazja: arrestat talli qatel il-kelb b’daqqa ta’ martell f’rasu

Ġermaniż ta’ 51 sena li mar btala l-Kroazja ġie arrestat wara li qatel il-kelb tiegħu stess b’daqqa ta’ martell f’rasu.

Fi stqarrija, il-Pulizija Kroata qalet li l-każ seħħ fi tmiem il-ġimgħa fi spazju aħdar ta’ binja f’Rijeka, belt fit-Tramuntana tal-Kroazja. Qalet, li t-turist, li kien xurban u kellu fuqu għadd ta’ grammi ta’ droga ketamina, ġie arrestat fil-Port ta’ Rijeka.

Il-Pulizija Kroata żiedet tgħid li wara li arrestat lit-turist, huwa għamel ħerba fl-għassa tal-Pulizija billi kisser xi apparat kif ukoll xi għamara. Għaldaqstant, huwa qed jiġi akkużat bi qtil u moħqrija ta’ annimali, kif ukoll b’pussess ta’ droga u b’vandaliżmu fl-għassa tal-Pulizija.

Dawk akkużati bi qtil u moħqrija ta’ annimali fil-Kroazja jistgħu jeħlu sa sena ħabs.