Lokali
Fil-Parlament jitkellmu fuq kwistjonijiet li qed iħassbuhom fosthom l-ambjent

Fir-raba’ sessjoni tal-Eko Skola fil-Parlament, it-tfal tkellmu fuq kwistjonijiet li qed jħassbuhom fl-ambjent ta’ madwarhom, tal-pajjiż, u wkoll ressqu suġġerimenti biex l-ambjent ikun iżjed nadif. Għal din is-sessjoni attendew il-Prim Ministru Joseph Muscat, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia u Membri Parlamentari miż-żewġ naħat tal-Kamra.

Il-problema tat-traffiku, it-tniġġiż fl-arja, is-separazzjoni tal-iskart, l-użu tal-plastik, it-tniġġiż fil-baħar, kienu fost it-temi li l-istudenti ta’ Eko Skola indirizzaw waqt l-erbatax-il sessjoni ta’ din is-seduta speċjali tal-Parlament.

Maria Spiteri u Kurt Cini mill-iskola primarja ta’ Żebbuġ fil-Kulleġġ t’Għawdex, saħqu li mhux sewwa li sena wara l-oħra l-istudenti jmorru fil-Parlament, jgħidu lill-Membri Parlamentari x’għandhom jagħmlu biex jindirizzaw l-ambjent, u mbagħad ma jagħmlu xejn. Maria Spiteri qalet li wara kollox huma l-ġejjieni tal-pajjiż, waqt li Kurt Cini sostna li jeħtieġ li l-Membri Parlamentari jisimgħuhom u mhux ikollhom it-tweġiba lesta, jgħidu xi jgħidu.

Tal-istess fehma kienet Emma Bayyuni mill-iskola primarja ta’ Tas-Sliema fil-Kulleġġ Santa Klara li qalet li għal 14-il sena l-ideat tat-tfal fis-sessjoni parlamentari ta’ eko skola ġew injorati jew twettqu ħafna snin wara. Anastasija Djordjevic, mill-istess skola, ipproponiet li jitwaqqfu kumitati reġjonali ta’ Eko skola.

Jerome Farrugia u Yan Cesare, mill-iskola ta’ Sant’Elija f’Santa Venera ssuġġerew li fis-seduti parlamentari ta’ ssoltu jiddaħħlu temi li jittrattaw it-tħassib tat-tfal u l-istudenti u li jinħatar Segretarju Parlamentari f’dan ir-rigward.

L-istudenti tkellmu ma’ TVM fuq inizjattivi li qed jieħdu biex iqajmu kuxjenza favur l-ambjent.

L-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia qal li ambjent nadif huwa wieħed mid-drittijiet tal-persuna li tgħix ħajja dinjituża. Hu faħħar lill-għaqdiet ambjentali bħal Naturetrust li b’inizjattivi bħal tal-eko skola jkomplu jqajmu kuxjenza favur l-ambjent.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li jemmen li hemm bżonn li l-proposti tal-istudenti jitwettqu iżjed malajr iżda sostna li ddaħħlu ħafna mis-suġġerimenti li għamlu t-tfal, fosthom li jkun isseparat l-iskart organiku. Dr Muscat qal li issa l-Gvern qed jaħdem biex Malta tkun l-ewwel pajjiż fil-Mediterran li fih jinġabru l-fliexken kollha permezz ta’ skema apposta.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li l-Gvern u l-Oppożizzjoni jridu jkomplu jagħmlu sforz biex jaraw li jinstemgħu l-ilħna tat-tfal u ħeġġighom biex jekk dan ma jsirx, it-tfal jibqgħu jgħajtu biex jiġbdulhom l-attenzjoni. Qal li s-sena l-oħra l-Oppożizzjoni pproponiet lill-Gvern biex jitwaqqaf kumitat tat-tfal, dan ma sarx, u qal li għalhekk jerġa jħeġġeġ lill-Gvern jagħmel dan.

 

 

Aħbarijiet Oħra
Politika

Wara dak żvelat fil-Qorti dwar l-impjieg ta’ Melvin Theuma bħala messaġġier u xufier f’kumpanija tal-gvern, li minnu ħa tliet xhur paga mingħajr qatt ma mar għax-xogħol, il-pulizija fetħet investigazzjoni fuq…

Parlament

L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia qal li Andrew Borg Cardona kien żvija lil uffiċjali tal-Parlament meta jumeujn ilu daħal ma’ grupp ta’ nies fil-gallarija tal-Kamra minflok mar fil-kamra tal-Oppożizzjoni. Dan…

Politika

Miriam Dalli mhux se tkun qed tikkontesta għall-elezzjoni ta’ Mexxej tal-Partit Laburista. Ħabbret dan hi stess f’post fuq il-midja soċjali tagħha, fejn qalet li wara li kkunsidrat l-affarjiet kollha, iddeċidiet…

Aktar