Kronaka
Fil-periklu tal-mewt wara li ttajjar minn mutur li baqa’ sejjer

Raġel jinsab fil-periklu tal-mewt wara li tard ilbieraħ intlaqat minn mutur f’San Ġiljan.

Il-Pulizija qalet li kienet infurmata bl-inċident fi Triq Manuel Dimech għal xi l-10.30pm.

Minn stħarriġ li sar irriżulta li Taljan ta’ 35 sena li joqgħod Tas-Sliema, li kien qed isuq e-scooter, safa’ milqut minn mutur li telaq minn fuq il-post.

Il-vittma ngħata l-assistenza minn tim mediku u ttieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza. Aktar tard hu ġie ċċertifikat bi ġrieħi serji.

Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat tal-Għassa Leonard Caruana li ħatar inkjesta, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.