Barranin
Fil-Polonja jwissu li se jerġgħu jimponu l-miżuri kontra l-Covid-19

L-awtoritajiet fil-Polonja qed iwissu li ser jerġgħu jimponu l-miżuri kontra l-Covid-19 jekk in-numru ta’ infezzjonijiet ma jonqsux. Fl-aħħar sigħat kienu registrati aktar minn 28,300 infezzjoni ġdida li jfisser żieda ta’ 17% fuq il-każi rrappurtati gimgħa ilu.

L-awtoritajiet fil-Polonja huma inkwetati ħafna bis-sitwazzjoni li qed toħloq fil-pajjiż mewġa oħra ta’ infezzjonijiet.

Fil-Ġermanja reġgħu żdiedu l-infezzjonijiet bin-numru ta’ każi rregistrati laħħaq aktar minn 65,300. Il-Kanċillier Ġermaniża Angela Merkel qalet lir-raba’ mewġa tal-Covid qed tolqot il-pajjiż b’saħħa kbira. Il-Parlament Ġermaniż ser jiddiskuti s-sitwazzjoni l-Ġimgħa li ġej ser jerġa’ jiddiskuti s-sitwazzjoni li diġà vvota biex jiddaħħlu diversi miżuri fosthom li dawk li jużaw it-trasport pubbliku jridu jkunu ħadu t-tilqima.

Ħafna pajjiżi fl-Ewropa jinsabu fl-istess sitwazzjoni fosthom ir-Repubblika Ċeka u s-Slovakkja li ħabbru miżuri aktar iebsa għal dawk li ma ħadux it-tilqima, bit-tama li aktar nies iħossu l-ħtieġa li jitlaqqmu.

Fir-Repubblika Ċeka l-Gvern approva miżuri ġodda u ser iħalli biss lil dawk li ħadu t-tilqima u li rnexxielhom ifiqu mill-Covid fl-aħħar sitt xhur jidħlu fl-istabbilimenti tal-ikel u anke jattendu ċertu attivitajiet. Kemm ir-Repubblika Ċeka u anke l-Islovakkja mhux qed iħallu l-ħaddiema tagħhom imorru fuq il-post tax-xogħol jekk ma ħadux it-tilqima.