“Fil-Primarja bdejt ninduna li nitkellem b’mod differenti minn sħabi, ma kontx fluwenti daqshom”

Tfajla ta’ tletin sena tkellmet ma ‘Popolin’ u qasmet l-esperjenza tagħha dwar id-diffikultà li kellha biex titkellem. Biss illum il-ġurnata rnexxielha iddawwar diffikultà f’opportunità. “Kienet challenging u kif” spjegat Bernice Lia Gauci, “Illum nara stuttering bħala xi ħaġa pożittiva dwari, xi haġa li tagħmilni jien”.

Dr. Joseph Agius speech therapist, spjega li 1% tal-popolazzjoni tad-dinja ittemtem. Din il-kundizzjoni taffettwa kemm it-tfal kif ukoll il-kbar. Ħafna nies jemmnu li t-temtim joħroġ wara xi qatgħa jew trawma, biss mhux il-każ, ħafna mid-drabi tkun kundizzjoni ġenetika. Huwa spjega li meta persuna tkun qed tkanta ma’ t-temtimx, għaliex il-kant ikun ġej minn parti oħra tal-moħħ u peress li l-kliem tal-kanzunetta tkun tafu minn qabel ma jikkawżax stress tenna Agius. Minn naħa l-oħra f’konversazzjoni spontanja ma’ bniedem ma tkunx taf il-mistoqsija li se jsaqsi, dik il-pressjoni toħloq ċans ikbar li l-persuna ttemtem.

Mistoqsi mill-preżentatur Quinton Scerri jekk għadx hawn min jgħaddi biż-żufjett lill-persuni b’din il-kundizzjoni, Agius spjega li sfortunatament iva hawn ħafna ċajt relatat, irridu nkunu iktar sensittivi. Tajjeb ngħidu li diversi personalitajiet ta’ suċċess kbir għandhom din il-kundizzjoni fosthom insibu; Rowan Atkinson, Julia Roberts, Bruce Willis, Elvis Presley, Ed Sheeran u Joe Biden.