Toroq
Filgħaxija evita li tgħaddi minn Triq Reġjonali lejn in-naħa ta’ fuq

Sa nhar is-Sibt is-sewwieqa, fejn possibbli, għandhom jevitaw li jgħaddu mill-karreġġjata tat-tramuntana fi Triq Reġjonali, hekk kif din se tkun magħluqa minn tard waranofsinhar sa kmieni filgħodu.

Infrastructure Malta lbieraħ avżat li l-karreġġjata minn Santa Venera lejn Tal-Qroqq u l-Kappara qed tingħalaq bejn il-5.00pm u l-5.00am.

TVM infurmat li fil-fatt ilbieraħ filgħaxija inħolqot konġestjoni kbira ta’ traffiku li baqgħet sejra sal-flyovers tal-Imrieħel.

Jekk is-sewwieqa jgħaddu minn hawn, għandhom isegwu t-tabelli lejn rotot alternattivi minn Triq Salvu Psaila lejn Birkirkara, jew minn Triq il-Wied tal-#Imsida lejn Tal-Qroqq u l-Kappara.

Infrastructure Malta qalet li din hija l-aħħar fażi tal-proġett ta’ Triq Reġjonali, li qed titwessa’ għal 6 korsiji waqt li jiġu mtejba 7 junctions matulha.