Stejjer Umani
“Filli kont nilgħab il-futbol u f’salt saqajja bdew iċedu”

Kellu karriera twila fil-futbol għal madwar 20 sena u 12-il sena ilu skopra li għandu l-Multiple Sclerosis li affettwatlu saqajh u l-vista.

Anatole Debono, li għad għandu 42 sena u kien plejer tal-futbol għal diversi snin, qal lil TVM li issa jaf x’jiġifieri meta tiġi bżonn l-għajnuna minħabba l-mard.

Huwa jgħid li llum ġie lura fuq saqajh u qed jissielet mal-kundizzjoni bl-għajnuna ta’ Bjorn Formosa u l-fondazzjoni tiegħu tal-ALS.

Anatole Debono huwa isem magħruf fil-qasam tal-futbol f’Malta. Karriera twila li ratu mal-aqwa klabbs tal-Premier Malti.

Għal Anatole, il-futbol, l-isport u t-taħriġ fiżiku huma l-passjoni ta’ ħajtu. Huwa qal li 12-il sena ilu, meta kien appena għalaq 30 sena, li ħabta u sabta nduna li kien hemm xi ħaġa ħażina f’saħħtu.

“Kelli blurred vision … the next day qomt iktar agħar … għamilt l-MRI u sab li kelli 2 lesions in my head”.

Anatole, li huwa miżżewweġ u missier, qal li ma jistax jinsa meta waqt li kien qed jieħu ħsieb it-tarbija spiċċa nstabat mal-art.

“Għandi baby, qomt nagħmlilha l-bottle u spiċċajt waqajt … luckily kien hemm il-mara u sabitni mal-art”.

Huwa jgħid li qatt ma basar li se jiġi bżonn Bjorn Formosa u l-Fondazzjoni ALS, fejn jgħid li hemm sab qalb kbira u għajnuna bla limitu li tfisser ħafna għalih u għal familtu.

“Bjorn ma jgħinx biss nies bl-ALS imma nies bħalna bl-MS u oħrajn bi neurological conditions. U hija importanti li ssir din id-dar għax hawn ħafna iktar kundizzjonijiet milli kien hawn qabel”.

Minkejja li mhux faċli li ta’ eta’ żgħira qed ibati bil-Multiple Sclerosis, Anatole irid jagħti kuraġġ lil mijiet ta’ pazjenti kemm dawk bl-MS, ALS u kull tip ta’ kundizjonijiet oħra.

“Importanti tlett fatturi: li you have a positive mindset, adapt to change u fight … ma tridx taqta’ qalbek dejjem”.

Anatole se jkun fost il-ħafna benefatturi li se jkunu parti mill-maratona tal-Ħadd li ġej bil-Fondazzjoni ALS ta’ Bjorn Formosa qed tiġbor fondi biex tiftaħ it-tieni dar tagħha.

Bjorn Formosa qal li l-maratona tal-Ħadd li ġej hija mportanti ħafna għaliex jixtieq li qabel ma jħalli din id-dinja jkun ħalla lill-poplu Malti u Għawdxi dar oħra għal dawk li minħabba l-mard bħal ALS u oħrajn iridu jkomplu jgħixu b’dinjità u b’servizzi professjonali 24 siegħa kuljum.