Barranin
FILMAT: Andrea Agnelli jgħid li s-Super League ma jistax ikompli għaddej

Iċ-Chairman ta’ Juventus Andrea Agnelli qal li l-European Super League ma jistax jibqa’ għaddej wara li sitt timijiet ewlenin Ingliżi rtiraw il-parteċipazzjoni tagħhom minn din il-kompetizzjoni kontroversjali.

Mistoqsi jekk dan il-proġett jistax jibqa’ għaddej, Agnelli, wieħed mill-fundaturi ta’ din il-kompetizzjoni tal-futbol Ewropew qal b’mod kategoriku li wara l-irtirata tas-sitt timijiet Ingliżi, dan il-kamponat ma jistax jittella’.

Il-Ħadd li għadda, 12-il klabb ewlieni fl-Ewropa ħabbru t-twaqqif tas-Super League, madankollu 48 siegħa wara kritika qawwija u oppożizzjoni kbira minn diversi politiċi, sitt timijiet Ingliżi ddeċiedew li jirtiraw is-sehem tagħhom minn din il-kompetizzjoni.

Agnelli qal li jibqa’ konvint li l-futbol Ewropew għandu bżonn bidla u sostna li ma kellu ebda dispjaċir dwar il-mod li bih ipprova jwaqqaf din il-kompetizzjoni ġdida.

“Nibqa’ konvint mis-sabiħ ta’ dan il-proġett”, qal Agnelli waqt li sostna li dan seta’ ħoloq l-aqwa kompetizzjoni tal-futbol fid-dinja.

“Iżda nammetti… ma naħsibx li dan il-proġett jista’ jibqa’ għaddej”.