Kronaka
FILMAT: Ara l-mument li immigrant twaddab il-baħar fil-Port tal-Imġarr

Filmat miġbud minn persuna fuq il-post jaqbad il-mumenti li fih immigrant ta’ nisel Afrikan twaddab il-baħar fil-Port tal-Imġarr fi tmiem il-ġimgħa li għadda.

Fil-filmat li kiseb TVM, l-immigrant jidher qed jargumenta u jipprova jiċċaqlaq waqt li xi rġiel qegħdin iżommuh u jkellmuh, bħal qishom qed jikkalmawh.

F’daqqa u l-ħin, wieħed mill-irġiel li kien qed idur madwarhom, u li jidher liebes flokk abjad, jaħtaf lill-immigrant minn spallejh, ikaxkru lejn it-tarf tal-moll u jwaddbu għal isfel.

L-immigrant jidher qed jipprova jitla’ lura mal-moll iżda jerġa’ jaqa lura fil-baħar. Fl-isfond jinstema’ daħk, tisfir u għajjat, kif ukoll kummenti ta’ kundanna minn oħrajn.

B’rabta ma’ dan il-każ, il-Pulizija qalet li kemm l-immigrant, li ġie identifikat bħala Somalu, u r-raġel li waddbu l-baħar, li huwa minn Għawdex, it-tnejn se jiġu mixlija fil-Qorti.

Persuni li qalu li kienu preżenti fuq il-post u li kitbu dwar dak li seħħ fuq il-midja soċjali, allegaw li l-immigrant inżamm għax beda jwaddab xi oġġetti, filwaqt li oħrajn taw l-impressjoni li l-immigrant beda l-ħin kollu jipprova jispjega ruħu u li kien vittma ta’ bullying.

Ara wkoll:

AĠĠORNAT: Għawdxi u Somalu se jiġu mixlija dwar argument fl-Imġarr Għawdex