Lokali
Filmat: Awdjologu jgħid li l-cotton buds għandhom isiru illegali

L-Awdjologu Paul Vella wissa kontra l-użu tal-cotton buds meta persuna tiġi biex tnaddaf widnejha minħabba r-riskju li tista’ tigref il-kanal li jagħti għall-moħħha b’konsegwenzi li jistgħu jkunu ħafna aktar serji.

Vella qal dan f’intervista ma’ TVM li matulha qal li wieħed minn kull erba’ Maltin qed inaqqas mis-smigħ bla ma jaf.

Mistoqsi dwar l-użu tal-cotton buds, huwa qal li ma jafx kif dawn ma jagħmluhomx illegali għax ħlief ħsara ma jagħmlux.

“Meta darba staqsejt għax ma jagħmluhomx illegali, ir-risposta kienet li dawk suppost huma eye make-up remover mhux għall-widnejn”, qal l-awdjologu.

Spjega li jekk se tnaddaf barra, l-aħjar ħaġa li tagħmel hu xugaman ma subgħajk u tnaddaf li joħroġ biss.

“Għalkemm ħafna nies jgħidulek li jnaddfu widnejhom, fir-realtà qed inaddfu ftit u l-bqija tfajtu ‘l ġewwa”, kompla jispjega s-Sur Vella.

Wissa li l-persuna tista’ tigref il-kanal ta’ widnejha bil-konsegwenza li tista’ tqabbad infezzjoni serja. Spjega li l-għadam li jdawwar il-kanal huwa artab ħafna, u kull m’hemm ftit millimetri ‘l bogħod mill-moħħ.

Saħansitra qal li kien hemm min irnexxielu bil- iħaffer l-għadma bil-cotton bud tant li meta tħares tara l-moħħ.

“Dan bil-konsegwenza li għandek ċansijiet kbar ta’ meninġite u mard ieħor fosthom infezzjonijiet fir-ras”, temm jgħid Vella waqt li appella biex nibżgħu għas-smigħ.