Filmat: Bastimenti għas-sajd tal-baleni Ġappuniżi fi triqithom lejn l-Antartiku

Wara sena weqfin, bastimenti għas-sajd tal-baleni Ġappuniżi ħarġu għal sajda fl-Antartiku minkejja oppożizzjoni internazzjonali. Il-Ġappun qal li l-programm ta’ sajd għall-baleni huwa għal skop ta’ riċerka xjentifika – waħda mill-eċċezzjonijiet permessi skont ir-regoli internazzjonali.

Iżda fl-2014, il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja kkonkludiet li s-sajd fl-Antartiku mhux xjentifiku u għaldaqstant huwa illegali. Attivisti jsostnu l-programm tal-Ġappun huwa inuman u mhux sostenibbli.

Il-Ġappun jinsisti li qed jirriċerka l-popolazzjoni tal-baleni biex jagħti prova li hija kbira biżżejjed ħalli jiġġustifika s-sajd għall-baleni għal skopijiet kummerċjali. Jgħid ukoll li ġieli qatel dawn il-mammiferi biex ikun jista’ jagħmel ir-riċerka.

Għall-istaġun tal-2014/2015, il-Ġappun qal li se jirrispetta d-deċiżjoni tal-Qorti u ma qabadx baleni fl-Antartiku għalkemm xorta għamel sajd fuq skala iżgħar fil-Paċifiku.

L-Aġenzija tas-Sajd Ġappuniża qalet li wara li ħadet inkunsiderazzjoni d-deċiżjoni tal-Qorti, din is-sena qed timmira li taqbad biss 333 balena mill-Antartiku, li jammontaw għal madwar terz tal-mira li kellha qabel.