Filmat: ‘bullet train’ tgħaqqad l-aktar gżira mbiegħda Ġappuniża mal-kapitali

Il-Ġappun għaqqad il-gżira ta’ Hokkaido li tinsab l-aktar fit-Tramuntana, b’ferrovija veloċi mal-kapitali Tokjo. Il-bullet train telqet mill-istazzjon Shin-Hakodate-Hokuto kmieni s-Sibt filgħodu. Il-vjaġġ bejn l-aktar gżira mbiegħda fil-Ġappun mill-kapitali, issa se jibda jieħu erba’ sigħat.

Il-proġett jaf il-bidu tiegħu fl-1972 bil-bini ta’ mina taħt il-baħar twila kważi 54 kilometru u fonda 240 metru taħt il-livell tal-baħar. Il-mina, Seikan Tunnel, hija l-aktar waħda fonda fid-dinja li minnha joperaw servizzi ferrovjarji u flimkien maċ-Channel Tunnel, hija waħda mill-itwal mini taħt il-baħar fid-dinja.

Is-servizz il-ġdid bil-Bullet Train inaqqas il-vjaġġ minn Tokyo għal Hakodate bi kważi siegħa għal madwar erba’ sigħat. Mal-500 ruħ inġabru fl-istazzjoni biex jaraw l-ewwel Bullet Train titlaq. Skont il-media Ġappuniżi, il-biljetti għal dan l-ewwel vjaġġ riedu bilfors jiġu riservati u nbiegħu kollha ix-xahar li għadda f’25 sekonda.

B’kollox hemm 32 Bullet Train li se jkunu qed joperaw minn u lejn Shin-Hakodate-Hokuto. Il-Gvern Ġappuniż qal li b’dan is-servizz se tkun imbuttata ‘l quddiem l-ekonomija reġjonali tan-naħa ta’ fuq tal-Ġappun.