Eurovision
FILMAT: Destiny b’verżjoni sinfonika ta’ Je Me Casse

 

L-artista Maltija Destiny nediet verżjoni sinfonika tal-kanzunetta Je Me Casse, il-kanzunetta li biha se tirrappreżenta lil Malta fil-Eurovision Song Contest.

Din il-verżjoni ġiet irrekordjata flimkien mal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta fil-forti storiku ta’ Sant Iermu fil-Belt Valletta.

Din il-kollaborazzjoni hija xhieda li Je Me Casse hija kanzunetta versatili li tista’ tiġi interpretata b’diversi modi.

Fi kliem Destiny din kienet waħda mill-isbaħ esperjenzi fil-vjaġġ tagħha lejn il-Eurovision Song Contest. Hija qalet li l-fatt li kellha l-opportunità li taħdem daqshekk fil-qrib mal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta kienet kisba fiha nfisha.

Waqt li ttamat li tinżel tajjeb mas-segwaċi tagħha daqs kemm ħadet pjaċir taħdem fuqha, hija qalet li din il-verżjoni ta’ Je Me Casse tqabbadha l-bard.