Lokali
Filmat: Destiny “tiltaqa’” m’ommha f’Rotterdam

Il-kantanta Maltija Destiny Chuckunyere tard illum waranofsinhar iltaqgħet m’ommha Alexia li flimkien mal-familja tagħha telgħet Rotterdam biex ikunu ta’ appoġġ għaliha fil-Eurovision Song Contest.

Minkejja sorpriża li ngħatat, il-kantanta Maltija setgħet tiltaqa’ biss m’ommha u ħuha minn wara l-ħġieġ mil-lukanda. Dan minħabba r-restrizzjonijiet kbar li qed jadottaw l-organizzaturi tal-festival fuq il-parteċipanti fil-festival u d-delegazzjonijiet li hemm magħhom.

F’każ li artist/a tirriżulta pożittiva għall-virus ma titħalliex tkompli bil-parteċipazzjoni tagħha fil-festival u minflok tixxandar verżjoni tal-kanzunetta li ġiet irrekordjata fl-aħħar ġimgħat.

F’post fuq Facebook, Destiny esprimiet id-dispjaċir tagħha li llum, proprju f’għeluq snien ommha Alexia, ma setgħetx tgħannaqha magħha, iżda wegħditha li se tagħmilha kburija kemm fuq il-palk u kemm fl-esperjenzi l-oħra ta’ ħajjitha.