Lokali
Filmat: “Ejja Ryan waqaftlu fl-aħħar”

“Ejja Ryan. Waqaftlu fl-aħħar”. Dan kien il-messaġġ li dewa fid-daħla tal-qorti malli Ryan Sultana xiref mill-għatba tal-qorti biex jittieħed lejn il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Kien f’dan il-mument, li raġel li deher jaf sew lill-akkużat instema’ jtennielu messaġġ ta’ kuraġġ.

“Għolliha rasek…isma’ minni m’għamilt xejn ħażin inti…iċ-ċirkostanzi ġegħluk tagħmel li tagħmel…ejja Ryan waqaftlu fl-aħħar”, jinstema’ jappella r-raġel waqt li Sultana deher dieħel fil-karozza tal-pulizija.

Matul il-jum, rapporti fil-midja qalu li allegatament l-akkużat spara lil Ċensu Xuereb, magħruf bħala Ċensu l-Oranġjo wara li ffrodah €7,000.

Sultana li għandu 24 sena u li jaħdem bħala ġardinar, baqa’ miżmum arrestat wara li wieġeb mhux ħati għall-akkuża ta’ attentat ta’ qtil ta’ Vincent Xuereb ta’ 55 sena.

Il-każ seħħ ilbieraħ għall-ħabta tal-3.45pm fi Triq il-Wied, l-Iklin. Quddiem il-Maġistrat Victor Axiaq, huwa kien akkużat ukoll li kellu arma regolari iżda naqas li juża l-liċenzja skont il-liġi u li kiser il-paċi pubblika.

Il-prosekuzzjoni qalet li l-akkużat stess qallhom li hu spara fuq Xuereb bl-akkużat jgħid li għamlek hekk biex jiddefendi lilu nnifsu. Qalet li l-vittma sofra ġrieħi serji u li t-tiri ma laqtux organi vitali. Spjegat li l-arma li ntużat kienet tal-kaċċa. Id-difiża ressqet it-talba għall-ħelsien mill-arrest. Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat fosthom minħabba biża’ ta’ intraċċ ta’ provi u biża’ li jkun hemm reat ieħor.

Spjegat li l-Pulizija tibża’ li jkun hemm intraċċ ta’ provi miż-żewġ naħat kemm minn Sultana kif ukoll minn Xuereb. Il-Qorti ordnat li l-akkużat jibqa’ jinżamm arrestat il-ħabs.