Lokali
FILMAT: Erba’ mħallfin ġodda jieħdu l-ġurament tal-ħatra

Fil-Palazz tal-President dalgħodu ħadu l-ġurament tal-ħatra l-erba’ mħallfin ġodda, li nħatru għall-ewwel darba mill-President ta’ Malta wara li segwa l-parir unanimu li rċieva mingħand il-Kumitat dwar il-Ħatriet tal-Ġudikatura.

Fil-Palazz ta’ San Anton dalgħodu ħadu l-ġurament tal-ħatra l-Imħallfin Audrey Demicoli, Christian Falzon Scerri, Ian Spiteri Bailey u Neville Camilleri.

B’kollox kien hemm 29 persuna li esprimew interess għall-kariga ta’ mħallef f’sejħa pubblika li ħarġet fi Frar li għadda bil-kandidati ġew evalwati mill-Kumitat dwar il-Ħatriet tal-Ġudikatura li ppreżenta rapport bir-rakkomandazzjonijiet tiegħu lill-President ta’ Malta George Vella.

L-imħallfin ġodda ngħataw il-ġurament tal-ħatra fil-preżenza tal-Prim Ministru Robert Abela, il-Ministru tal-Ġustizzja Edward Zammit Lewis, l-Avukat tal-Istat Chris Soler u l-Prim Imħallef Mark Chetcuti u qraba tal-imħallfin ġodda.

F’diskors tal-okkażjoni, il-President George Vella feraħ lill-imħallfin il-ġodda għal din il-ħatra u fisser kif il-poplu Malti ser ikun qed iserraħ fuq l-għaqal u d-dehen tagħhom biex ikomplu jitħarsu l-Kostituzzjoni, il-liġijiet ta’ pajjiżna kif ukoll l-interessi ta’ kulħadd.

Filwaqt li stqarr li m’għandux dubju li l-imħallfin rispettivi ser ikunu qed jaqdu dmirijiethom fl-akbar sens ta’ responsabbiltà u professjonalità, fisser li huwa biss bl-imparzjalità li tista’ tinkiseb il-ġustizzja.

Il-President ħeġġeġ biex fil-ħidma tagħhom, l-imħallfin ma jħallu xejn jinfluwenza d-deċiżjoni li jkunu mistennija jieħdu hekk kif minnhom wieħed jistenna indipendenza sħiħa. Temm billi fakkar li quddiem għajnejhom għandhom iżommu l-poplu li għalih huma eżempju ta’ korrettezza, etika u onestà.

Preżenti għaċ-ċerimonja tal-ħatra kien hemm il-Prim Ministru Robert Abela, il-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza Edward Zammit Lewis, l-Avukat tal-Istat Chris Soler u l-Prim Imħallef Mark Chetcuti.