Kronaka
FILMAT ESKLUSSIV: Il-mumenti li żagħżugħ qala’ xebgħa f’Paceville

Raġel mis-Serbja li jaħdem bħala bouncer mistenni jitressaq il-Qorti akkużat li s-Sibt li għadda darab gravi żagħżugħ Pollakk barra stabbiliment tad-divertiment f’Paceville.

TVM għandu filmat esklussiv tal-inċident li fih il-vittma jidher qed jiġi attakkat minn madwar ħames bouncers. Wara x-xebgħa kbira li qala’, iż-żagħżugħ tħalla fl-art mitluf minn sensih. Il-filmati jistgħu jimpressjonaw lil xi wħud minħabba l-aggressività u l-vjolenza.

Żagħżugħ Pollakk jista’ jgħodda b’waħda li għadu ħaj wara x-xebgħa selvaġġa li qala’ fil-lejl ta’ bejn il-Ġimgħa u s-Sibt li għadda fi Triq San Ġorġ Paceville.

Filmati juru liż-żagħżugħ Pollakk bil-mobile f’idu bħal donnu li kien qed jiffilmja fid-direzzjoni tal-faċċati tal-istabbiliment fejn x’aktarx kien hemm il-bouncers.

F’waqt minnhom wieħed mill-bouncers deher jiġri fid-direzzjoni tiegħu u tajjarlu l-mobile minn idu u deher jaggredixxi liż-żagħżugħ. Iż-żewġ persuni spiċċaw jissieltu fl-art u f’ħakka t’għajn, mal-bouncer ingħaqdu mill-inqas erbgħa oħra li komplew jagħtu bis-sieq liż-żagħżugħ Pollakk.

L-aggressjoni vjolenti fl-aktar triq popolari f’Paceville seħħet fil-preżenża ta’ bosta persuni oħrajn u damet ftit inqas minn minuta. Iż-żagħżugħ li safa aggredit allegatament tħalla fl-art mitluf minn sensih wara li wieħed mill-bouncers xejjirlu daqqa ta’ sieq f’rasu.

Minn stħarriġ li għamilna, iż-żagħżugħ ittieħed l-Isptar Mater Dei għall-kura u ħareġ jumejn wara. Il-Pulizija mill-Għassa ta’ San Ġiljan jidher li rnexxilha tiddentifika u tarresta lill-bouncer li huwa mis-Serbja li jidher li agredixxa liż-żagħżugħ. Huwa mistenni jitressaq il-Qorti fis-sigħat li ġejjin.

Mistoqsija minn Television Malta dwar dan il-każ, il-Pulizija ikkonfermat li l-investigazzjoni għadha miftuħa u mhux eskluż li jittieħdu passi kontra bouncers oħrajn.

Sentejn u nofs ilu, filmat ieħor esklussiv li kien kiseb TVM kien wassal biex sitt bouncers jitressqu l-Qorti u f’Mejju li għadda tlieta minnhom instabu ħatja li darbu gravi lil żewġt irġiel u ġew ordnati jaħdmu 600 siegħa bla ħlas fil-komunità.