Immigrazzjoni
FILMAT ESKLUSSIV: Jilagħbu l-ballun bejn sema u ilma sakemm isiru jafu d-destin tagħhom

Is-sitwazzjoni fuq il-vapur fejn tpoġġew 57 immigrant li ġew salvati l-ġimgħa li għaddiet tidher li hija trankwilla, kif stajna nosservaw meta l-cameraman ta’ TVM Charles Ahar u l-ġurnalist Liam Carter avviċinaw il-vapur għal rapport esklussiv.

Diġà ilhom erbat ijiem abbord il-vapur Europa 2, wieħed mill-akbar vapuri fil-flotta tal-Captain Morgan, is-57 immigrant, kollha rġiel, li ġew salvati f’operazzjoni kordinata minn Malta waqt li kienu f’diffikultà fiż-żona ta’ tiftix u salvataġġ ta’ Malta.

Fuq il-Europa 2 l-immigranti irregolari dehru f’burdata tajba meta crew ta’ TVM avviċina l-vapur biex ġibed l-ewwel filmati ta’ din is-sitwazzjoni li żvolġiet wara li l-gvern Malti għamilha ċara li mhux ser iħalli aktar żbarki ta’ immigranti f’Malta, anke minħabba li l-portijiet jinsabu magħluqin fl-isfond tal-pandemija.

“Hello, hello love you Europa, Robert Abela Robert Abela Robert Abela, love you love you.”

L-atmosfera abbord tidher trankwilla tant li f’xi mumenti nnutajna l-immigranti Afrikani jilagħbu bil-ballun fl-ispazju limitat tal-pruwa.

Għalkemm jinsabu f’limbu b’destin inċert, l-immigranti, li jidhru li jinsabu fi stat tajjeb ta’ saħħa, ferħu malli intebħu bil-kamera tat-televiżjoni.

Patrol boat tal-Forzi Armati minn ħin għall-iehor qed tagħmel ronda fl-inħawi, waqt li TVM hu infurmat li l-gvern kera wkoll is-servizz ta’ laneċ privati li qed iwasslu l-provvisti lill-immigranti.

“Qed naraw li jingħtaw l-ikel xorb bżonnijiet mediċi. Hawnhekk qed nitkellmu dwar bnedmin,” qal il-Prim Ministru Robert Abela.

Il-Prim Ministru tenna li l-immigranti fuq il-vapur tal-Captain Morgan mhux ser jiddaħħlu l-art sakemm ikun hemm ftehim mal-Kummissjoni Ewropea dwar ir-rilokazzjoni tagħhom.

“Żammejt sod mal-pożizzjoni tagħna. Dik ma kinetx pożizzjoni sodisfaċenti għaliex kif ġara fil-passat nafu x’jiġri jidħlu u ma tinstabx soluzzjoni. Allura s-soluzzjoni għandna tkun bil-kontra tinstab is-soluzzjoni mbagħad issir ir-rilokazzjoni lejn pajjizi stati membri.”

Il-vapur tal-Captain Morgan bl-immigranti fuqu jinsab xi tlettax-il mil ‘il barra minn kosta ta’ Malta, sewwa sew ftit ’il barra mill-ibħra territorjali Maltin. Nifmhu li qed jinżammu f’ibħra internazzjonali biex ma japplikax il-ftehim ta’ Dublin li bih l-Unjoni Ewropa tobbliga lill-pajjiżi membri biex jibqgħu responsabbli għall-immigranti li jkunu rifsu t-territorju tagħhom.

F’din il-missjoni unika, il-vapur tal-Captain Morgan, li barra l-ekwipaġġ għandu uffiċjali tas-sigurtà privati, sab ruħu viċin bosta bastimenti kbar li jinsabu sorġuti f’Herd’s Bank

Minkejja li Malta, bħal kull pajjiż ieħor fid-dinja, qiegħed jissielet mal-pandemija tal-Covid-19, l-isfida tal-immigrazzjoni żgur li ma reħietx, hekk kif fil-ġimgħat li għaddew salpaw diversi dgħajjes mill-punent tal-Libja bit-tir li jaslu Malta jew Lampedusa. Minkejja dan, il-Gvern Malti qed itenni l-pożizzjoni tiegħu u se jibqa’ sod u mhux se jippermetti iżjed zbarki tal-immigranti sakemm jibqa’ jissielet mal-Covid-19.

Intant grupp ta’ madwar 90 immigrant, il-maġġoranza tagħhom mill-Bangladesh ġew salvati mill-vapur tal-merkanzija bl-isem ta’ “Marina” f’operazzjoni li kienet kordinata minn Malta. Il-vapur bl-immigranti abbord issa jinsab viċin Lampedusa.

Sadanittant, il-Prim Ministru Robert Abela ta xhieda tiegħu fl-inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Joe Mifsud dwar każ ieħor ta’ traġitt ta’ immigranti wara li l-għaqda Repubblika talbet investigazzjoni fuq omiċidju tal-immigranti.

Fi stqarrija tal-gvern ingħad li Dr Abela ċaħad bil-qawwa li qatt ittieħdet xi deċiżjoni mill-gvern li jwaqqaf u jissospendi jew ifixkel il-kordinament ta’ salvataġġ. Huwa qal li dan obbligu joħroġ mhux biss mil-liġijiet internazzjonali iżda wkoll mill-fatt li aħna bnedminu li rridu nieħdu ħsieb l-umanità ta’ xulxin.

Ara wkoll:

Mhux se jidħlu l-immigranti f’Malta qabel jintlaħaq ftehim – Il-PM

ESKLUSSIV: Ritratti tal-immigranti abbord il-Captain Morgan

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb organizzat mill-kunsill nazzjonali tal-ktieb se jsir online l-11 u l-15 ta’ Novembru minflok ma jsejjaħ in-nies f’dar il-Mediterran il-Belt Valletta. Dan minħabba s-sitwazzjoni tal-Covid-19 u l-pariri tal-Awtoritajiet…

Lokali

Melvin Theuma,  l-intermedjarju fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia ġie rilaxxat mill-Isptar Mater Dei. Ġimagħtejn ilu huwa ddaħħal l-isptar wara li kien instab f’għadira f’demm b’feriti f’għonqu u fil-kustilji. Dan wara li…

Edukazzjoni

Bil-pjan tal-Gvern hu li f’Settembru jiftħu l-iskejjel, il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnnici qal li għaddejjin taħdidiet biex it-tagħlim tat-tfal isir mis-sena skolastika li jmiss bil-miżuri meħtieġa kontra l-imxija tal-Covid. Dr Bonnici tkellem…

Aktar