Lokali
FILMAT ESKLUSSIV – żewġt irġiel jaqilgħu xebgħa minn bouncers f’Paceville

Sitt bouncers Maltin ta’ bejn l-24 u l-51 sena mistennija jitressqu l-Qorti akkużati li xahrejn ilu darbu gravi żewġt irġiel barranin barra stabbiliment tad-divertiment f’Paceville.

Għand TVM wasal filmat esklussiv miġbud minn kamera tas-sigurtà fi Triq San Ġorġ, Paceville.

Il-filmat juri raġel bi qmis bajda u bi tbajja tad-demm fuqha jargumenta mal-bouncers barra gentlemen’s club. F’waqt minnhom wieħed mil-bouncers deher ixejjirlu daqqa ġo rasu minn wara, waqt li ieħor li kien fil-ġenb infexx jagħtih bil-ponn f’wiċċu u daqqiet ta’ sieq sakemm ir-raġel beda miexi għan-naħa l-oħra tat-triq u spiċċa mixħut għal tulu mal-art bid-demm ħiereġ minn wiċċu. Waqt li kien fl-art bla saħħa, wieħed mill-bouncers deher itella’ siequ fuq dahru.

Fil-pront, raġel li jidher li kien miegħu deher jinża l-ġakketta u l-flokk u jagħmel ġesti ta’ provokazzjoni lill-bouncers li f’ħakka t’għajn daru għalih. Bouncer minnhom jidher jaqbad flixkun tal-ħġieġ f’idu u allegatament iwaddabulu. Ir-raġel allegatament qala’ xebgħa qrib il-pjazza ewlenija ta’ Paceville li madankollu ma nqabditx minn din il-kamera tas-sigurtà.

L-inċident seħħ sbieħ il-Ħadd 21 ta’ Mejju għal ħabta tas-sitta ta’ filgħodu. Dakinhar il-Pulizija fi stqarrija irrappurtat li fis-seba’ ta’ filgħodu ġiet imsejħa fuq il-post fejn sabet Sirjan ta’ 29 sena u Ġordaniż ta’ 33 sena bi ġrieħi serji u li kienu ttieħdu l-isptar għall-kura.

Qraba taż-żewġ irġiel kienu kkuntattjaw lil tvm.com.mt u allegaw li ż-żewġ barranin ġew aggrediti brutalment mill-bouncers wara li ppruvaw jidħlu fl-istabbiliment iżda ma tħallewx. Il-qraba kienu għaddew ritratti tal-ġrieħi gravi li sofrew iż-żewġt irġiel f’wiċċhom, rashom u daharhom. Wieħed mill-irġiel kien fil-periklu li jitlef id-dawl t’għajnejh.

Fil-filmat, il-Ġordaniż deher li tħalla fl-art għal aktar minn kwarta sakemm tfaċċa Pulizija, u kellu jkun żagħżugħ li serva ta’ samaritan tajjeb li beda jgħinu jieħu n-nifs u jqum minn mal-art.

Mistoqsija minn Television Malta dwar dan il-każ, il-Pulizija issa kkonfermat li l-investigazzjoni ngħalqet u sitt bouncers Maltin ta’ bejn l-24 u l-51 sena se jitressqu l-Qorti.

Il-filmati li ksibna juru li madwar erba’ minuti qabel l-aggressjoni fuq il-Ġordaniż, wieħed mill-bouncers ta salt fuq raġel ieħor u tefgħu mal-ħġieġ ta’ kumpless kummerċjali, u allegatament kompla jagħtih bis-sieq waqt li kien fl-art.

Din mhux l-ewwel darba li bouncers ta’ stabbilimenti f’Paceville ġew mixlija li wżaw forza eċċessiva fil-konfront ta’ persuni oħrajn.

Aħbarijiet Oħra
Politika

Il-gvern fi stqarrija qal li jieħu nota ta’ dak li qalet l-Oppożizzjoni dwar il-ħatra tal-President ta’ Malta u tal-Prim Imħallef. Għall-ewwel darba fl-istorja kostituzzjonali ta’ pajjiżna, il-Prim Ministru qed ineħħi…

Kurżitajiet

L-arti hija kullimkien anke fis-sengħa tal-barbiera. Mhux biss jaqtgħu x-xagħar, iżda jirnexxielhom bi preċiżjoni u paċenzja kbira jnaqqxu personaġġi famużi fuq il-qurriegħa tal-klijenti tagħhom. Niskopru l-ħila ta’ barbier Marokkin, li…

Festi

Dħalna Ħal Luqa fis-skiet li s-soltu ma jkunx qed jiddomina fl-ewwel tmiem il-ġimgħa ta’ Lulju – il-festa tal-patrun Sant Andrija. Ittawwalna wkoll fil-parroċċa dedikata lil dan il-qaddis, li bħal- lum…

Mużika

Il-Valletta Waterfront qed tospita mumenti ċinematiċi u mużikali għall-festival tas-Sajf li qed issir b’kollaborazzjoni mal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta f’wieħed mill-ewwel festivals kulturali live wara l-waqfa tal-Covid-19. Fl-isfond tax-xenarju mill-isbaħ tal-fortifikazzjonijiet…

Aktar