Filmat: f’Ruma ħaraqha ħajja għax telqitu

L-awtoritajiet Taljani qalu li studenta universitarja nħarqet ħajja mill-għarus tagħha wara li telqitu. Il-Prosekutur Maria Monteleone qalet li Sara Di Pietrantonio ta’ 22 sena, mietet f’Ruma nhar il-Ħadd wara li kienet attakkata minn Vincenzo Paduano ta’ 27 sena.

L-awtoritajiet qalu li l-ewwel huwa ta n-nar lill-karozza tagħha, imbagħad ġera warajha għal madwar 100 metru meta hija ppruvat taħrab u ta n-nar meta qabadha.

Sara u Vincenzo PaduanoL-investigaturi qalu li l-aggressur uża ‘cigarette lighter’ biex ta n-nar lil wiċċ Sara wara li ħasilha bl-alkoħol. L-uffiċjal li qed imexxi l-investigazzjoni tal-pulizija, Luigi Silipo qal li “f’25 sena kemm ilu jagħmel dan ix-xogħol, qatt ma ra delitt daqshekk atroċi”.

Il-Prosekutur qalet li Vincenzo qed jinżamm arrestat fuq suspett tal-qtil premeditat ta’ Sara. Lill-ġurnalisti qaltilhom li għall-ewwel, huwa caħad li qatilha iżda wara tmien sigħat ta’ interrogazzjoni, huwa ammetta.

Silipo qal li Vincenzo “ma setax jaċċetta l-fatt li hija telqitu meta ntemmet ir-relazzjoni li kellhom”. L-investigaturi qalu li Vincenzo li kien uffiċjal tas-sigurtà li dam sentejn joħroġ mal-vittma, għall-ewwel kien segwa l-karozza tagħha.

Wara huwa sforza lil Sara biex tieqaf mal-ġenb tat-triq qabel qatilha. Filmat minn kamera tas-sigurtà juri x’ġara inkluż numru ta’ karozzi li għaddew minn ħdejhom meta Sara kienet qed tgħajjat għall-għajnuna.

Il-prosekutur qalet li kieku xi ħadd minn dawk li kien għaddej waqaf jgħinha, ħajjet Sara kienet tiġi salvata.