Lokali
Filmat: Għaliex tiftakar eżatt x’għamilt fi tfulitek u tinsa x’kilt filgħodu? iwieġeb l-espert Malti dwar id-dimensja

L-għalliem u riċerkatur fl-istudji tad-dimensja, il-Professur Charles Scerri spjega li hemm bosta affarijiet li jpoġġu persuna f’riskju akbar tad-dimensja u li dwarhom ma tista’ tagħmel xejn, bħall-età u l-ġeneru.

“Id-dimensja se ssibha aktar fin-nisa milli fl-irġiel. Jekk ikollok id-dimensja fil-familja għandek daqsxejn riskju żgħir li inti jista’ jkollok ukoll ‘il quddiem.”

F’intervista estensiva ma’ tvm.com.mt, il-Prof. Scerri tkellem dwar bosta riskji marbuta ma’ din il-kundizzjoni li taffettwa mhux biss lill-persuna bid-dimensja iżda bosta qraba u ħbieb tal-pazjent.

Spjega li riskji oħra huma l-mard tal-qalb, kolesterol għoli, dijabete u pressjoni għolja; filwaqt li wieħed għandu jevita daqqiet repetuti fuq ir-ras, dieta ħażina, nuqqas ta’ eżerċizzju mentali u fiżiku, ix-xorb u t-tipjip.

Mistoqsi dwar kif wieħed jinduna li għandu d-dimensja, il-Professur Scerri qal li fost l-ewwel sintomi hemm li persuna ma tiftakarx per eżempju x’kielet fil-kolazzjon imma tiftakar bi preċiżjoni x’kienet tagħmel fi tfulitha.

“Dan jiġri għax l-ewwel żona li tiġi attakkata fil-moħħ hija dik iż-żona li ddaħħal informazzjoni ġdida. U għaliex tkun qed tiddiġenera, tmut bil-mod, l-informazzjoni li persuna qed tagħtiha mhux qed tidħol bis-saħħa fil-moħħ u allura l-persuna mhux qed tiftakarha”, spjega l-Professur.