Barranin
FILMAT: għargħar kbar iħallu ħerba sħiħa fi Sqallija

L-effetti tat-tibdil fil-klima qed jinħassu eqreb tagħna, fi Sqallija.

F’Katanja, raġel instab mejjet taħt karozza wara li x’aktarx il-katavru tiegħu tkaxkar fl-għargħar ikkawżat mill-maltemp qalil li ħakem l-inħawi; filwaqt li anzjan ta’ 67 sena miet ukoll waqt li kien fil-karozza tiegħu. Il-karozza tal-anzjan spiċċat mgħarrqa bl-ilma u t-tajn. Martu għadha rrapportata nieqsa. Il-maltemp bela’ għalkollox uħud mill-iktar toroq u pjazez popolari f’Katanja, bil-ħwienet spiċċaw mgħarrqin u l-karozzi jitkaxkru mal-kurrenti qawwijin tal-ilma.

Iċ-ċentru ta’ Katanja bħalissa jinsab mingħajr elettriku. Anke l-iskejjel intalbu jagħlqu l-bibien tagħhom minħabba l-maltemp. Rapporti fil-midja qed jgħidu li partijiet minn Sqallija ntlaqtu minn dak li qed jitqies bħala urugan rari fil-Mediterran imsejjaħ Medicane. Anke l-baħar saħan bi 8 gradi Celsius meta mqabbel mat-temperatura medja f’dan iż-żmien tas-sena. L-awtoritajiet qed iwissu n-nies biex ma joħorġux minn djarhom minħabba riskju li l-maltemp jista’ jkollu fuq ħajjithom.