Lokali
FILMAT: Ħames vetturi tat-tifi tan-nar ġodda għal sqaqien u toroq dojoq fl-irħula

Il-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili għandhom ħames vetturi tat-tifi tan-nar ġodda li permezz tagħhom se jkunu jistgħu jagħmlu xogħolhom bl-aktar mod effettiv biex iħarsu s-saħħa ta’ persuni li jinqabdu f’xi nar f’residenzi li jinsabu f’toroq u/jew sqaqien fl-ibliet u l-irħul ta’ pajjiżna.

Il-vetturi l-ġodda b’investiment ta’ miljun u ħames mitt elf ewro ġew inawgurati mill-Ministru għall-Intern Byron Camilleri f’konferenza tal-aħbarijiet li matulha qal li l-gvern qed juri li lest jinvesti kemm jiflaħ fis-sigurtà tal-pajjiż.

Dawn il-vetturi se jkunu qed jgħinu lill-Protezzjoni Ċivili tkun iktar ippreparata biex taffaċċja realtajiet ta’ kuljum inkluż meta tiġi l-isfida ta’ spazju żgħir fosthom sqaqien u toroq dojoq li jikkaratterizzaw ċerti rħula u bliet Maltin u Għawdxin.

“Permezz ta’ dawn il-ħames inġenji, kull stazzjoni issa se jkun mgħammar kif suppost hekk kif id-Dipartiment huwa lest jassisti b’mod aħjar f’każ li jinqala’ inċident f’postijiet bħal dawn. Dan l-investiment huwa riżultat ta’ pjan ċar ta’ gvern li jaħseb f’dak li jista’ jinqala’ u jipprepara għal kull eventwalità,” qal il-Ministru Camilleri.

Id-Direttur Ġenerali tal-Protezzjoni Ċivili, is-Sur Emanuel Psaila, spjega li dawn il-vetturi huma l-ewwel tax-xorta tagħhom fl-Ewropa u għalhekk se jkunu qed jagħmlu differenza kbira fil-ħajja tan-nies.