Lokali
Filmat ieħor ta’ party illegali f’residenza privata

Għadd ta’ persuni esprimew id-diżapprovazzjoni tagħhom għal party illegali ieħor li x’aktar sar f’residenza privata f’Buġibba.

Il-filmat li ttella’ fuq is-sit soċjali Instagram fl-aħħar sigħat juri bosta żgħażagħ miġburin qaqoċċa flimkien waqt il-party li jidher li sar bejn il-lejl tal-Ħadd u t-Tnejn.

Dan bi ksur ċar tar-regolamenti marbuta mal-Covid-19 li ma jipppermettux aktar minn żewġ familji taħt l-istess saqaf.

Il-filmat juri li l-festin sar f’residenza f’Buġibba.

B’reazzjoni, bosta żgħażagħ qalu li ma jistgħux jemmnu li għad hawn min jibqa’ jorganizza dawn ix-xorta ta’ parties fid-djar tagħhom għax mingħalihom li jistgħu jagħmlu li jridu.

Saħqu fuq il-bżonn ta’ iktar dixxiplina u passi aktar serji fil-konfront ta’ dawk li jinqabdu jiksru r-regolamenti marbuta mal-COVID-19.