Lokali
FILMAT: Il-PM jeskludi lockdown iżda miżuri effettivi bħal żieda fil-multi

Il-Prim Ministru Robert Abela eskluda li l-Gvern se jkun qiegħed jirrikorri għal miżura ta’ lockdown biex tiġi kkontrollata aktar is-sitwazzjoni tal-Covid-19 f’pajjiżna.

Dr Abela qal dan f’kummenti lill-ġurnalisti fi tmiem business brekfast f’Għawdex. Qal li kif ħabbar ilbieraħ fil-Parlament, iż-żieda fil-multi fejn ikun hemm ksur tar-regolamenti eżistenti hija waħda mill-miżuri li qed iħares lejhom il-Gvern biex jassigura li jkun hemm aktar osservanza tar-regolamenti.

Qal li d-diskussjonijiet dwar il-miżuri se jkomplu llum waranofsinhar u mistennija jitħabbru fi żmien li ġej. Tenna li l-għan ta’ dawn il-miżuri hi li s-sitwazzjoni mill-att mediku tibqa’ waħda stabbli u taħt kontroll.

Mistoqsi jekk il-gvern hux jikkonsidra lockdown mal-pajjiż kollu, il-Prim Ministru qal li d-deċiżjoni konsistenti tal-gvern minn Marzu ‘l hawn kienet li ma mmorrux f’lockdown minkejja l-pressjonijiet li saru.

“Jien nibqa’ nemmen li d-deċiżjoni għandha tkun li ma mmorrux f’lockdown u li nżommu l-bilanċ bejn is-saħħa u l-għajxien tan-nies. Ejja nifhmu wkoll li hemm ħafna persuni li l-għajxien tagħhom jiddependi milli l-istabbilimenti kummerċjali tagħhom jibqgħu miftuħin u għaldaqstant fil-miżuri li se nkunu qegħdin inħabbru se naraw li dak il-bilanċ tant essenzjali jibqa’ jinżamm mingħajr ma nagħmlu miżuri li jkunu drakonjani imma miżuri effettivi biex inżommu s-sitwazzjoni mil-lat mediku taħt kontroll”, temm jgħid il-Prim Ministru.

Id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi jwieġeb għall-kumment tal-Prim Ministru

Intant b’reazzjoni għall-kummenti tal-Prim Ministru, id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi qal lil TVM permezz ta’ dritt għar-risposta li Dr Abela ma ċaħadx dak li qal ilbieraħ fil-Parlament u mtenni minnu dalgħodu pubblikament fejn allega li l-Kap taċ-Ċivil Mario Cutajar wettaq frame-up fuq uffiċjal pubbliku. Azzopardi qal li l-Prim Ministru kien jaf b’dan l-allegat frame up għax dak iż-żmien kien l-avukat tal-vittma. Madankollu, id-deputat Nazzjonalista qal li Dr Abela baqa’ juri fiduċja f’Cutajar bħala Segretarju tal-Kabinett. 

Huwa ċaħad ukoll li li hemm xi storja dwaru. Qal li l-fatt li l-Prim Ministru qiegħed jhedded deputat tal-Oppożizzjoni juri Prim Ministru immatur u li l-verità mhix qiegħda fuq in-naħa tiegħu. Qal li x-xogħol ta’ Prim Ministru serju mhux li jivvinta l-istejjer dwar l-Oppożizzjoni u jillikjahom, iżda li jassigura li dawk li sejjaħ bħala kriminali li jpoġġu miegħu fil-Kabinett jiffaċċjaw il-ġustizzja li jistħoqqilhom.

Il-Kap taċ-Ċivil jiċħad l-allegazzjonjiet ta’ Azzopardi 

Fi stqarrija, b’reazzjoni għall-allegazzjonijiet ta’ Dr Azzopardi, is-Segretarju Permanenti Ewlieni, is-Sur Mario Cutajar ċaħad bl-iktar mod kategoriku u bla ebda riservi dak li allega dwau Azzopardi fil-Parlament.

Is-Sur Cutajar qal li l-ewwel każi li tressqu għandu bħala Kap tas-Servizz Pubbliku fl-2013 u li kienu jirrigwardaw uffiċjali pubbliċi kienu tnejn.

Qal li wieħed kien dwar tbagħbis ta’ marki f’eżamijiet pubbliċi bl-allegazzjoni tindika li dan ġieli sar fuq direzzjoni mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru lill-eżaminaturi dirett u l-każ l-ieħor dwar abbuż, b’indħil ta’ persuni fl-amministrazzjoni ta’ qabel l-2013, tad-diskrezzjoni li tagħti l-liġi dwar it-taxxa lit-tmexxija ta’ dak id-dipartiment biex tiġi maħfura taxxa. 

Is-Sur Cutajar qal li fiż-żewg każi u f’kull każ ieħor li sar jaf bih wara dawn sal-lum fl-ebda ċirkustanza ma kellu kuntatt jew indaħal b’mod dirett jew indirett anki bl-iktar mod remot possibbli fix-xogħol tal-Pulizija kemm jekk kien il-Kummissarju u kemm jekk kien l-uffiċjal investigatur.  Huwa temm jgħid li dak li għal darb’oħra allega lbieraħ fil-Parlament Jason Azzopardi fil-konfront tiegħu huwa ’l bogħod mill-verità.