Lokali
Filmat: Il-PM jwieġeb dwar il-proġett tat-trakka tal-karozzi f’Ħal Far

Fi tmiem il-laqgħa tal-Kabinett il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li l-Gvern ressaq illum quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar l-applikazzjoni għall-bini tat-trakka tal-karozzi u l-muturi fuq art f’Ħal Far.

Dr Abela qal dan tweġiba għal sensiela ta’ mistoqsijiet tal-ġurnalisti fi tmiem laqgħa tal-kabinett li matulha ħabbar li l-gvern għandu l-pjanti lesti u mudell ta’ finanzjament maqbul ukoll bis-sehem tal-NDSF biex issir din it-trakka fuq art li diġà qiegħda tintuża għal dan l-ispport.

Il-Prim Ministru qal li l-prinċipju li mexa fuqu l-Gvern dwar it-trakka tal-karozzi u l-muturi kien dak li ma titteħidx art f’żoni barra mill-iżvilupp.

Qal li l-ispazju industrijali li se jkun qed jittieħed għal dan il-proġett b’investiment ta’ €20 miljun se jiġi kkumpensat b’mod vertikali hekk kif għamlet il-fabbrika tad-De La Rue.

Dr Abela qal li l-Gvern ilu jaħdem xhur fuq dan il-proġett billi fost oħrajn ra l-impatt tal-ħoss eżistenti u dak li se jiġi kkaġunat, il-finanzjament tal-proġett, l-impġatt fuq in-nies ta’ Birżebbuġa, siti alternattivi kif ukoll diskussjoni dwar art fl-inħawi li se tittieħed lil terzi biex issir it-trakka.