Kultura
FILMAT: Il-Port il-Kbir jiddawwal bil-logħob tan-nar

Il-Port il-Kbir ilbieraħ filgħaxija iddawwal bl-ispettaklu tas-serata finali tal-festival tal-Logħob tan-Nar organizzat mill-Awtorita Maltija ghat-Turiżmu.

Il-festival kien mifrux fuq erba’ lokalitajiet – fix-Xagħra, Għawdex, u fl-Imqabba, l-Mellieha u lbierah filgħaxija fil-Port il-Kbir.

Fis-servizz ħarsa lejn siltiet minn dan l-ispettaklu li fih ħadu sehem 29 fabbrika tan-nar u 45 assoċjazzjoni tan-nar f’Malta u Għawdex.

Meqjusa bħala l-ornament li jdawwal is-sema bil-kuluri. Il-logħob tan-nar, li f’pajjiżna jieħu post ewlieni fil-festi tagħna.

L-arti ta’ dan id-delizzju tista’ tkun difficli u perikoluża u tirrikjedi attenzjoni kbira imma l-prodott finali dejjem ikun spettakolari li xi drabi jħalli lil min jarah bla nifs.

Il-preċiżjoni u s-sengħa ta’ min jaħdem in-nar tissarraf meta jiftaħ il-murtal u l-kuluri jiffurmaw ruħhom f’diżinji li mhux faċilment taħseb kif jistgħu jiġu stampati fis-sema.

L-ismewwiet li jħarsu lejn il-gżejjer Maltin f’erbat iljieli matul dan ix-xahar kienu miżgħuda bil-kuluri tal-arti tan-nar tal-ajru.

L-ispettaklu tal-festival tan-nar tal-ajru sar f’erba lokalitajiet straordinarji.

Beda fl-4 ta’ Settembru f’Ghawdex, mexa lejn l-Imqabba u l-Mellieha u s-serata finali tħalliet ghall-isfont maestuż tal-Port il-Kbir ilbierah.

Port li kien xhud u protagonist tal-ġrajjiet li sawru lil gżiritna u li laqa’ wkoll is-sengħa ta’ min huwa espert tal-logħob tan-nar bil-bellus iswed tal-lejl imlewwen b’kull kulur tal-qawsalla/

F’dan il-festival hadu sehem 29 fabbrika tan-nar u 45 assoċjazzjoni tan-nar f’Malta u Għawdex.

U l-ispettaklu ma ddiżappuntax. Bil-mixi jew bit-trasport, ħafna rħewlha lejn l-iktar postijiet vantaġġjużi biex jaraw dan l-ispettaklu ta’ festival organizzat mill-Awtorita Maltija għat-Turiżmu.