Lokali
Filmat: il-President tal-Motorsports jitbikkem malli jisma’ l-aħbar li se ssir it-trakka tal-karozzi

Il-President tal-Federazzjoni Maltija tal-Motorsports Duncan Micallef laqa’ b’ferħ id-deċiżjoni tal-gvern li ssir it-trakka tal-karozzi fuq art f’Ħal Far b’investiment ta’ €20 miljun.

F’laqgħa tal-kabinett il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li t-trakka li se tkun ta’ livell internazzjonali se ssir fuq is-sit li fuqu diġà jiġi pprattikat dan l-isport u mhu se tittieħed ebda art barra l-limiti tal-iżvilupp.

F’kummenti li għamel waqt il-laqgħa tal-kabinett, is-Sur Micallef qal li għal dawn l-aħħar seba’ xhur ħadmu lejl u nhar biex din il-ħolma tkun tista’ ssir realtà. Qal li l-Federazzjoni rat x’inhuma l-limiti u ħadmet mal-gvern biex jiġi ppreżentat proġett li fi kliemu se jkun ta’ benefiċċju għal kulħadd.

Huwa qal li l-proġett se jkun tal-ogħla livell u assigura li permezz ta’ din it-trakka se jinkisbu riżultati ta’ suċċess f’diversi dixxiplini hekk kif inkisbu fil-passat fl-isport tad-drag racing.

Huwa temm jirringrazzja lill-Prim Ministru Abela, lis-Segretarju Parlametnari għall-Isport Clifton Grima u l-kumplament tal-gvern għall-koperazzjoni li qal li sabet il-federazzjoni bix din ix-xewqa ta’ eluf ta’ dilettanti tal-karozzi ssir realtà.