Lokali
AĠĠORNAT: Il-Maġistrat Lia tirrikuża ruħha mill-kumpilazzjoni kontra l-aħwa Agius, George Degiorgio u Jamie Vella

Tlieta minn erba’ rġiel li ġew arrestati b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia kif ukoll tal-qtil tal-Avukat Carmel Chircop dalgħodu kienu mistennija jibdew jiffaċċjaw proċeduri fil-qorti, iżda s-seduta ħadet xejra mhux mistennija meta l-Maġistrat Nadine Lia ntalbet tirrikuża ruħha.

Robert Agius u Jamie Vella, jinsabu mixlija li pprovdew il-bomba li qatlet lil Caruana Galiza f’Ottubru tal-2017. Vella llum ma deherx il-qorti, bil-kurunell Alex Dalli jippreżenta ċertifikat mediku, għax Vella jinsab fil-perjodu ta’ kwarantina mandatorja sal-11 ta’ Marzu

Adrian Agius jinsab mixli bil-qtil tal-Avukat Chircop. Huwa nqatel b’erba’ tiri ta’ arma tan-nar f’kumpless ta’ garaxxijiet f’Birkirkara fl-2015. Jamie Vella u George Degiorgio jinsab mixlija li wettqu d-delitt tal-Avukat Chircop.

L-Avukat Jason Azzopardi li qed jidher bħala parte ċivile f’isem il-familja Caruana Galizia, għamel talba li fiha talab lill-Maġistrat Nadine Lia tirrikuża ruħha milli tisma’ din il-kumpilazzjoni. Huwa għamel riferenza għall-kawża oħra, lura fl-3 ta’ Diċembru tal-2019, tal-Pulizija kontra s-Sur Yorgen Fenech, fejn qal li dakinhar l-istess Maġistrat kienet irrekużat ruħha.

Waqt li ddikjara fiduċja assoluta fil-magistrat Nadine Lia, l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali appoġġja wkoll it-talba biex il-Maġistrat Lia tirrikuża ruħha fid-dawl tad-digriet mogħti f’Diċembru 2019.

L-Avukat difensur ta’ George Degiorgio rribatta din l-akkuża fejn qal li Degiorgio qed jiġi akkużat b’akkużi dwar il-qtil tal-aAukat Carmel Chircop u għalhekk it-talba tar-rikuża m’għandhiex x’taqsam mal-akkużi.

Żied jgħid li ma jħossx li huwa sew li l-parte ċivile tagħżel hi l-Maġistrat sedenti fuq il-kawża. Dan għal raġunijiet għalkollox mhux relatati mal-akkużi li qed jiġi akkużat bihom George Degiorgio.

Is-seduta ġiet sospiża għal erba’ sigħat sakemm il-Maġistrat irtirat mill-awla biex tieħu deċiżjoni. Ftit wara n-12.30pm ddaħħal lura fl-awla George Degorgio taħt sigurtà stretta, fejn deher jitkellem mal-avukat tiegħu. Iddaħħlu wkoll l-aħwa Agius magħrufa bħala tal-Maksar. It-tliet akkużati kienu akkumpanjati minn tmien uffiċjali tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, ilkoll armati. Jissorvelja s-sigurtà u l-operazzjoni kien hemm id-Direttur tal-Ħabs, il-Kurunell Alex Dalli.

Il-Maġistrat Nadine Lia rritornat fl-awla, fejn dwar it-talba biex tirrekuża ruħha, spjegat li isem il-Maġistrat jittella’ bil-polza, u dawk li għamlu l-oġġezzjoni llum, ma ressqu l-ebda oġġezzjoni biex isem l-istess Maġistrat jew xi isem ieħor ma jkunx parti minn din il-polza. Qalet ukoll li wara l-ewwel preżentata l-parte ċivili ma ressqet ebda oġġezzjoni dwar min għandu jisma’ din il-kawża. Qalet li ma tagħmilx sens li l-parte ċivile ressqet din l-oġġezzjoni llum meta l-prosekuzzjoni kienet lesta sabiex tibda tressaq ix-xhieda.

Il-Maġistrat Lia qalet li r-raġunijiet biex wieħed jirrekuża ruħu jinkludu li l-istess Maġistrat ikun qarib tal-persuna, ikun tkellem pubblikament dwar il-persuna, jew ikollu xi interess dirett jew indirett fil-każ. Żiedet tgħid li mhux kull suspett ta’ imparzjalità għandu jitlob għal rekuża.

Minkejja li ma ħassitx il-bżonn li tirrekuża ruħha, u wara li qalet li l-Qorti ta’ Malta kapaċi togħla fuq kull partiġjaniżmu, ħasset li jkun aħjar jekk din tirrekuża ruħha minn dan il-każ, anke b’konsistenza ma’ deċiżjonijiet li ttieħdu fil-passat riċenti. Hi telqet mill-ewwel mill-Awla, fejn qalet li l-każ se jinstema’ quddiem Maġistrat ieħor.

Min huma l-aħwa Adrian u Robert Agius?

L-ismijiet tal-aħwa Adrian u Robert Agius u ta’ Jamie Vella diġà kienu fil-file tal-Pulizija fl-investigazzjonijiet dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Xahrejn wara d-delitt, huma kienu fost 10 persuni li ġew arrestati f’daqqa minn bnadi differenti iżda inħelsu mill-arrest.

Huma ġew arrestati mill-ġdid tmint ijiem ilu. Tnejn minnhom qed jiġu investigati dwar id-delitt tal-ġurnalista Caruana Galiza waqt li t-tlieta li huma qed jgħinu fi stħarriġ dwar delitt li seħħ f’Ottubru 2015 tal-Avukat Carmel Chircop.

Wieħed mill-aħwa, Adrian Agius, issemma fis-saga tal-More Supermarkets. Kien irrappurtat li fost oħrajn għamel propjeta’ tiegħu bħala garanzija għal self ta’ tliet kwarti ta’ miljun Ewro li l-avukat Carmel Chircop kien ta lil Ryan Schembri fl-2014 għal din il-katina ta’ supermarkets. Agius kien direttur ukoll f’kumpanija oħra relatata ma’ Schembri – Interaa Holdings. F’Settembru tal-istess sena, Schembri ħarab minn Malta, u sena wara l-avukat Chircop inqatel.

Ħu Adrian, Robert, kien tressaq il-qorti fuq traffikar ta’ droga fl-2012, iżda l-każ waqa’ minħabba li l-Qorti qalet li l-prosekuzzjoni ma pprovdietx biżżejjed provi li juru li wettaq dak ir-reat.

Missier l-aħwa nqatel f’delitt li għadu mhux solvut. Fl-24 ta’ April 2008, Raymond Agius, kien vittma ta’ tiri ta’ arma tan-nar waqt li kien f’ħanut tax-xorb f’Birkirkara. Hu miet fil-post.