Lokali
FILMAT: Imħabbar tnaqqis fir-restrizzjonijiet tal-COVID-19 wara li tlaqqmu 86% tal-popolazzjoni Maltija

Id-deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar tnaqqis fir-restrizzjonijiet marbuta mal-pandemija tal-COVID-19 wara li sal-bieraħ kienu tlaqqmu kompletament 86% tal-popolazzjoni Maltija.

F’konferenza tal-aħbarijiet, Dr Fearne ħabbar fost oħrajn li mis-16 ta’ Awwissu li ġej, l-għadd ta’ kull cluster se jiżdied minn 200 għal 300 ruħ għal kull cluster. Dan l-ammont se jiżdied għal 500 ruħ fit-30 ta’ Awwissu li ġej.

Il-Ministru għas-Saħħa ħabbar ukoll li restizzjoni oħra li tista’ tonqos hija dik ta’ persuna li tkun f’kuntatt ma’ persuna pożittiva. Sal-lum wieħed huwa obbligat li jagħmel 14-il ġurnata kwarantina. Mis-16 t’Awwissu, dawk li għandhom ċertifikat tat-tilqim u jkunu f’kuntatt ma’ persuna pożittiva minflok jagħmlu 14-il ġurnata jagħmlu kwarantina ta’ 7 ijiem. Spjega li l-persuna pożittiva u dawk li jgħixu magħha jridu jagħmlu kwarantina ta’ 14-il ġurnata.

Tilqima għan-nisa tqal

Dwar it-tilqima għan-nisa tqal, Dr Fearne qal li qed isegwu dak li għaddej u kellu diskussjonijiet mal-ispeċjalisti. Spjega li qabel, minħabba li ma kienx hemm biżżejjed informazzjoni, il-parir kien li ma jiħdux it-tilqima. Qal li jidher li r-riskju li jekk ma tiħux it-tilqima, kemm għall-omm u anke tarbija huwa aktar milli meta ma teħodhiex. Għalhekk, dawk in-nisa, li huma fit-tieni u t-tielet tliet xhur tat-tqal (jiġifieri mit-13-il ġimgħa ‘l hemm) fuq parir tat-tabib tagħhom jistgħu jitlaqqmu.

Booster tal-vaċċin

Dwar il-booster, Dr Fearne qal li s’issa ma jidhirx li qed tonqos l-immunità tal-vaċċin anke min ħadu fil-bidu. Qal li hemm persuni li jbatu minn xi kundizzjonijiet li jkollhom ħtieġa tal-booster.

Spjega li d-deċiżjoni meħuda s’issa, hi li min-nofs Settembru se jagħtu booster dose waħda lill-persuni li huma meqjusa li jista’ jkollhom kumplikazzjonijiet kbar u huma f’aktar riskju minkejja li jkunu ħadu ż-żewġ dożi tal-vaċċin. Ma’ dawn se jingħataw booster ukoll lir-residenti tad-djar tal-anzjani. Spjega li r-residenti fid-djar tal-anzjani se jingħataw tilqima fir-residenza filwaqt li l-oħrajn se jingħataw appuntament.

Żied jgħid li s’issa m’hemmx indikazzjoni li għall-kumplament tal-popolazzjoni hemm bżonn li jingħata l-booster tal-vaċċin.