Barranin
Filmat: it-Taljana li għamlet ħerba fuq ajruplan għax ma riditx tilbes il-maskra thedded li min xerred il-filmat

Il-passiġġiera Taljana li l-ġimgħa l-oħra ħolqot kaos fuq titjira tar-Ryanair minn Ibiza lejn Bergamo fl-Italja, qalet li se tieħu passi legali kontra dawk li xerrdu l-filmat tagħha fuq il-midja soċjali.

Il-każ seħħ fuq titjira li saret fl-aħħar tax-xahar li għadda meta l-mara allegatament irrifjutat li tilbes il-maskra kontra t-tixrid tal-COVID-19. Kien hawn li l-mara bdiet tkellem ħażin lill-passiġġieri u lill-membri tal-ekwipaġġ. F’ħin minnhom il-filmat juri lil mara tobżoq lil passiġġiera u tiġbed xagħar oħra li kienet qiegħda bilqiegħda quddiemha wara li talbitha biex iġġib ruħha sew.

Il-mara rreaġixxiet għall-filmat fuq il-profil tagħha ta’ Instagram u qalet li dawk li xerrdu l-filmat se jkollhom iħabbtu wiċċhom ma’ konsegwenzi legali.

Il-filmat juri lil mara titlifha kompletamet wara li ntalbet tilbes il-maskra fejn bdiet tgħajjat, toffendi lil passiġġieri oħra, tagħti bis-sieq u terfa’ jdejha fuq raġel li beda jiġbed bil-mobile dak li kien għaddej waqt it-titjira.

Mill-filmat joħroġ ukoll kif il-passiġġieri pprovaw jikkalmawha sakemm ma felħux aktar u spiċċaw huma wkoll jgħidulha tagħhom. Mal-wasla tagħha fl-ajruport, it-tfajla ġiet mitkellma mill-pulizija Taljana u mistennija jittieħdu proċeduri kriminali kontriha. Madankollu issa anke hi qalet li qed tieħu azzjoni legali fil-konfront ta’ dawk li xerrdu dan l-ispettaklu xejn sabiħ fid-dominju pubbliku!