Filmat: “Jekk Sirjan wettaq stupru ma jfissirx li s-Sirjani kollha jagħmlu hekk”

F’ċentru għall-immigranti fil-belt ta’ Naerboe fin-Norveġja, sar workshop għall-immigranti li indirizza l-fastidju sesswali u l-istupru. Il-kors tfassal aktar minn ħames snin ilu iżda issa għandu tifsira akbar wara l-attakki sesswali li rraportaw in-nisa f’Cologne u fi bliet Ġermaniżi oħra f’lejlet l-ewwel tas-sena u li wasslu għall akar minn 600 rapport kriminali bis-suspetti tal-pulizija jaqgħu fuq l-immigranti.

L-għalliema Linda Hagen iddiskutiet is-suġġett delikat ma’ 22 Sirjan li applikaw biex jgħixu fin-Norveġja. Bdot Sirjan ta’ 26 sena, Muaz li huwa fost it-300 ruħ li jgħixu fiċ-ċentru għall-immigranti, qal li l-problema fid-dinja kollha hi li meta persuna tagħmel xi ħaġa ħażina, tirrifletti fuq il-pajjiż jew razza kollha u din hija l-kwistjoni li trid tiġi ndirizzata.

Semma bħala eżempju li jekk Sirjan għamel stupru ma jfissirx li s-Sirjani kollha jagħmlu hekk u jekk Norveġiż jiddiskrimina, ma jfissirx li n-Norveġiżi kollha jiddiskriminaw.

Il-kors ilu jsir fin-Norveġja mill-2009 u huwa wieħed li ħafna politiċi Ewropej iriduh li jsir f’diversi pajjiżi oħra. Il-kors beda fl-2009 wara sensiela ta’ attakki kontra n-nisa matul il-lejl fit-toroq ta’ Stavanger li hija t-tielet l-akbar belt fin-Norveġja.

Aktar kmieni dan ix-xahar il-Fillandja nediet app biex teduka lill-immigranti dwar l-ugwaljanza filwaqt li fil-belt Ġermaniża ta’ Bornheim, wara rapporti ta’ fastidju fil-pixxina pubblika, se jsiru taħditiet mal-immigranti rġiel dwar il-ħtieġa li jitrattaw lin-nisa b’rispett.