Filmat: jibdew iċ-ċelebrazzjonijiet tal-festa tal-Imnarja

Ingħataw bidu llejla ċ-ċelebrazzjonijiet tal-festa tal-Imnarja imfakkra b’festa pubblika għada. Fis-Saqqajja r-Rabat illejla bdiet ir-rappreżentazzjoni storika fejn karozzini u karettuni telqu lejn il-ġonna tal-Buskett.

Din tirrappreżenta waħda mill-wegħdiet tradizzjoni li koppji fl-imgħoddi kienu jagħmlu lil xulxin fejn l-għarus ried jieħu lill-għarusa tiegħu għall-festa tal-Imnarja l-Buskett qabel jiżżewġu.

Fil-Buskett illejla tkompli lejla varata b’wirjiet tradizzjonali fosthom dwar kaċċa u nsib. Ikun hemm ukoll għana, makjetti, żfin tradizzjonali Malti u anki ż-żifna Kummuttiva minn żeffiena Għawdxin.

L-attivitajiet ikomplu għada fejn ma jonqsux ukoll il-wirjiet tal-frott u ħxejjex, prodotti artiġjanali u ikel tradizzjonali u anki kompetizzjonijiet tal-bhejjem.