Lokali
FILMAT: Jidħlu jisirqu f’binja f’Tas-Sliema u jintebħu li qed jiġu ffilmjati

Il-Pulizija tinsab għaddejja bi tfittxija għal żewġt irġiel, allegatament barranin li dalgħodu daħlu biex jisirqu minn binja ta’ appartamenti f’Tas-Sliema.

Il-każ seħħ għall-ħabta tad-9.20 a.m. f’binja fi Triq Locker meta ż-żewġt irġiel inqabdu fuq filmat miġbud minn cameras tas-CCTV quddiem il-bieb ta’ appartament ta’ koppja anzjana.

F’ħin bla waqt, wieħed minnhom irrealizza bil-cameras quddiem il-bieb tal-appartament.

Kien hawn li huwa deher jersaq qrib tal-camera, iniżżel il-maskla tal-Covid minn ma’ wiċċu u jħares fiss fil-camera.

Mifxulin u ma jafux x’se jaqbdu jagħmlu, l-irġiel dehru jimxu lejn it-taraġ tal-komun. Madankollu, ir-raġel l-ieħor deher iħeġġu biex jibqgħu għaddejjin sakemm bdew jagħmlu tabirruħhom li kienu qegħdin jitilgħu t-taraġ għas-sular ta’ fuq.

Madankollu, il-filmat jaqbadhom jistaħbew fit-taraġ sakemm dawn l-irġiel reġgħu marru quddiem il-bieb tal-appartament u ħarġu ’l barra mill-binja.

Dwar il-każ sar rapport lill-pulizija li minnufih bdiet tfittxija għall-allegati ħallelin.