Lokali
FILMAT: Jirrifjuta li jieħu ċitazzjoni wara li nqabad mingħajr maskra għax jgħid li vulnerabbli

Raġel li kien miexi l-Belt Valletta mingħajr maskra weħel multa mingħand gwardjan lokali.

F’filmat mibgħut lil TVM ir-raġel jidher jispjega lill-gwardjan li ma setax jilbes il-maskra minħabba kundizzjoni medika. Huwa jgħid lill-gwardjan li għandu ittra li turi dan. Madankollu, meta kien mitlub li jurih l-ittra, ir-raġel irrifjuta għax qal li m’għandux għalfejn jagħmel dan. Huwa rrifjuta wkoll li jieħu ċ-ċitazzjoni għal darba tnejn.

Ħin minnhom il-gwardjan lokali deher ukoll jikkonsulta ma’ Pulizija u jerġa’ jipprova jagħti ċ-ċitazzjoni lir-raġel.

Mistoqsi minn tvm.com.mt avukat ta’ esperjenza spjega li f’każ bħal dan persuna vulnerabbli hija xorta waħda obbligata li turi ċ-ċertifikat lill-gwardjan lokali jew Pulizija meta titwaqqaf fit-triq mingħajr maskra.