Lokali
Filmat: Karozza tal-linja tinqered għalkollox f’nirien kbar f’Burmarrad

Ħadd ma weġġa’ f’nar li kmieni dalgħodu ħakem karozza tal-linja f’Burmarrad, kif taqbeż il-knisja parrokkjali tal-lokalità. Ix-xarabank kienet fuq ir-rotta 31 lejn Buġibba. L-inċident kien irrappurtat għall-ħabta tas-6.30 a.m. meta ħabta u sabta x-xarabank ħadet in-nar.

Il-kumpanija Malta Public Transport qalet li l-passiġġieri niżlu minn fuq tal-linja b’mod sigur, skont il-proċeduri stabbiliti.

Fuq il-post issejħu l-pulizija u diversi ħaddiema mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li kkontrollaw in-nirien u assistew lill-passiġġieri fuq il-post. Il-kumpanija qalet li bdiet investigazzjoni interna biex jiġi determinat x’wassal għal dawn in-nirien.

Kawża tal-inċident, din l-arterja prinċipali tat-traffiku lejn in-naħa ta’ fuq ta’ Malta kellha tingħalaq għall-karozzi u saru arranġamenti alternattivi biex il-vetturi jibqgħu sejrin bil-vjaġġ tagħhom.

Jidher li n-nar beda min-naħa ta’ wara tax-xarabank, fejn hemm il-magna u nfirex mal-vettura kollha li spiċċat qafas biss u bi ħsaret kbar.

Bl-inċident saret ħsara wkoll lil xi propjetà privata.