Lokali
FILMAT: l-attivitajiet tal-massa fosthom il-festi ma jistgħux isiru bil-mod tradizzjonali

Id-deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li fil-jiem li ġejjin se jibdew diskussjonijiet ma’ dawk involuti fl-attivitajiet tal-massa fosthom l-awtoritajiet tal-Knisja f’Malta u d-dilettanti tal-festi biex dawn ma jsirux bil-mod tradizzjonali. Dan għax fi kliem il-Ministru Fearne ma jistax ikollna folol kbar fil-festi li huma meqjusa bħala attivitajiet tal-massa.

F’konferenza tal-aħbarijiet li matulha elenka t-tnaqqis ta’ aktar miżuri restrivvi fil-ġimgħat li ġejjin, Dr Fearne qal li l-attivitajiet tal-massa mhux se jiġru fil-bidu tas-sajf u sal-lum għad m’hemmx data ta’ meta se jiġru.

Dan għax l-awtoritajiet tas-saħħa għad iridu jaraw kif se tiżviluppa l-pandemija f’Malta u fil-pajjiżi madwarna.

Qal li l-Gvern mhux mgħaġġel biex jagħmel l-attivitajiet tal-massa għax jekk ikollok attività waħda li fiha jinfirex il-virus, jista’ jerġa’ jitfagħna lura bosta ġimgħat jew xhur.

Dwar iċ-ċertifikat tal-vaċċin qal li għaddejjin diskussjonijiet interni, biex dan ikun jista’ jintuża għal attivitajiet tal-massa ladarba jerġgħu jibdew jiġu organizzati.